Finali bejn Floriana u Athleta

Tuesday, March 26, 2013, 15:14

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL – PLAYOFFS 

minn Colin Schembri

Floriana Francesco Fenech 79

Siġġiewi 56

(16-12)(26-12)(15-14)(22-18)

Floriana Francesco Fenech kitbu paġna ġdida fl-istorja tagħhom meta għal-ewwel darba se jilgħabu fil-finali tar-rebħ tal-kampjonat. Floriana li rebħu l-promozzjoni mit-tieni diviżjoni żewġ staġuni ilhu, investew fl-iskwadra tagħhom u dan wassalhom biex isaħħu t-tajjeb li kienu għamlu l-istaġun li għadda. Għal Siġġiewi l-istaġun beda tajjeb ħafna meta kienu wkoll rebħu l-unur tas-Saint James Hospital pre-season tournament però matul ix-xhur tilfu diversi players u dan il-fattur għamilhom l-istaġun tagħhom aktar diffiċli bil-konsolazzjoni li waslu sal-play-offs. Il-partita bdiet bis-Siġġiewi jagħmlu l-ewwel punti minn Chris Meier u Marco Matijevic. Floriana bdew iwieġbufir-raba’ minuta bl-ewwel basket ta’ Matt Glass u trippla ta’ Bevan Scott Camilleri u fil-ħames minuta ppareġjaw 8-8. Huma kompew bil-punti ta’ Chris Sammut u Glass biex marru fuq quddiem u sa’ tmiem is-sessjoni fetħu vantaġġ ta’ 4 punti 16-12. Fit-tieni perjodu, Floriana bdew jibnu vantaġġ konsistenti u fir-raba’ minuta punti minn Glass u trippla ta’ Ian Mercieca fetħu distakk ta’ 11 –il punt 27-16. Ir-risposta ta’ Siġġiewi ġiet minn baskets iżolati minn Eman Xuereb, Peter Shoults u Matijevic però Floriana b’mod speċjali Sammut u Glass komplew bil-punti tagħhom. Floriana għalqu l-perjodu bi break ta’ 10-4 u daħlu jistrieħu 18 minn fuq 42-24.

Wara l-intervall kien Sammut li għamel l-ewwel basket però Siġġiewi  gġamlu reazzjoni u kisbu break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Shoults biex naqqsu d-distakk għal 11 –il punt 44-33. Baskets minn Scott u David Camilleri reġgħu taw ftit tan-nifs lil Floriana bis-Siġġiewi jkomplu jagħfsu permezz ta’ Shoults u trippla minn Alan Borg. Però fl-aħħar żewġ minuti tat-taqsima. Floriana għamlu run ta’ 9-0 bi trippla oħra ta’ Scott biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 19 –il punt 57-38. Fl-aħħar sessjoni Siġġiewi kienu demoralizzatu u rassenjati hekk kif il-vantaġġ Furjaniż kompla jiżdied anke wara trippla ta’ Glass. L-aħħar sforz ta’ Siġġiewi issarraf fi break ta’ 14-4 però kienu għadhom 13 minn taħt 54-67 fir-raba’ minuta. Siġġiewi bdew jitilfu l-players bil-ħames foul u Floriana approfittaw u għalqu l-partita bi break ieħor ta’ 10-1 bi trippla tal-captain Mercieca u rebħu l-partita 79-56 u se jikkontestaw il-finali.    

Floriana Francesco Fenech: A. Baldacchino, B. Scott Camilleri 19, D. Camilleri 2, M. Glass 25, C. Sammut 14, I. Mercieca 6, C. Calleja 4, D. Schembri 9, M. Ciantar, S. Saakian.

Siġġiewi: N. Falzon, P. Shoults 13, E. Xuereb 4,  A. Borg 11, C. Meier 13, A. Fekete 1, M. Matijevic 14.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Tim Brown.

A to Z Electronics Athleta 71

Pavi Depiro 67

(21-16)(13-19)(14-7)(13-19)(10-6)

Ic-champions A to Z Electronics Athleta kisbu d-dritt li jiddefendu t-titlu għal darb’oħra meta b’mod drammatiku għelbu lil Pavi Depiro 71-67 wara l-ħin barrani. Athleta żamew posthom fil-finali u minkejja li l-avversarjui jinbidlu, huma jkunu hemm b’mod konsistenti. Din id-darba se jsibu lil Floriana għatxana għar-rebħ tal-ewwel titlu fl-istorja tagħhom però Athleta ukoll qiegħdin jiġru wara tragward importanti hekk kif qiegħdin ifittxu r-rebħ tal-għaxar kampjonat u jsiru t-tieni team li laħaq dan in-numru prestiġjuż. Depiro kellhom l-isfortuna li jitilfu wara rimonta tajba fl-aħħar żewġ minuti u kienu wkoll darbtejn minn fuq fil-ħin barrani. Però minkejja li l-istaġun tagħhom intemm b’dan ir-riżultat huma kellhom staġun tajjeb fejn irritornaw għar-rebħ tal-unuri wara diversi snin bis-suċċess fit-tazza Louis Borg.Kif mistenni l-partita kienet missielta u bdiet biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin għal skor ta’ 7-7 fir-raba’ minuta. Athleta marru fuq quddiem wara trippla inn Steve Schembri flimkien ma’ baskets minn Michael Naudi u David Bugeja. Shawn Morgan u Isaac Tanti wieġbu għal Depiro però Athleta temmew is-sessjoni 21-16 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni Depiro kellhom mument mill-aqwa. Huma għamlu run ta’ 16 –il punt mingħajr risposta b’żewġ trippli ta’ Roderick Vella u fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 32-21. Wara kien imiss lic-champions biex jirrispondu fejn huma wkoll kellhom break tajjeb ta’ 10-0. It-taqsima għalqet bi trippla fuq kull naħa minn Andrew Aquilina u Kristin Baldacchino għal skor ta’ 35-34 fil-halftime.

Wara l-intervall kellna lill-Athleta jerġgħu jieħdu l-vantaġġ wara punti minn Marko Todorovic u Naudi. Depiro kellhom il-punti minn Morgan u David Agius qabel ma c-champions għamlu break ta’ 7-1 bi trippla ta’ Omar Said għal skor ta; 48-42. Fil-ftuħ tal-aħħar perjodu ż-żewġ timijiet reġgħu bdew jirrispondu lil xulxin. Dan ippermetta lil Athleta jżommu l-vantaġġ li fis-sitt minuta kien ta’ 10 punti 58-48 wara trippla ta’ Schembri. Baskets minn Bugeja u Todorovic u trippla oħra ta’ Schembri poġġew lil Athleta 11 –il punt minn fuq 61-50 bi ftit aktar minn żewġ minuti fuq l-arloġġ. Hawn Depiro għamlu l-aħħar sforz u kisbu run ta’ 11-0 li setgħu kienu tnax imma fallew free-throw minn erba’ li kellhom fl-aħħar sekondi wara technical foul biex il-partita marret fil-ħin barrani fuq skor ta’ 61-61. Hawn Depiro ħadu l-vantaġġ darbtejn b’baskets minn Isaac Tanti u Abraham Portelli b’Said iwieġeb bi trippla favur Athleta. Fl-aħħar minuta u nofs kien Steve Schembri li għamel erba’ punti biex Athleta ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 71-67.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi  13, S. Hagul, D. Bugeja 11, M. Todorovic 13,  M. Giusti, E. Bezzina, O. Said 8, S. Pace, W. Spiteri, K. Baldacchino 5, S. Bischoff , S. Schembri 22.

Pavi Depiro: R. Vella 8, N. Sultana, K. Kun, A. Aquilina 14, A. Portelli 15, D. Agius 4, E. Lupo, M. Mallia 1, I. Tanti 8, S. Morgan 19.

Referees: Gordon Barbara, Clive Terribile, Tim Brown

Il-programm tal-Finali huwa kif ġej:

Is-Sibt 30 ta’ Marzu  – 16:30 – Floriana Francesco Fenech vs A to Z Electronics Athleta (1)

Il-Ħadd 7 ta’ April  – 16:30 – A to Z Electronics Athleta vs Floriana Francesco Fenech (2)

Il-Ħadd 14 ta’ April – 13:00 – Floriana Francesco Fenech vs A to Z Electronics Athleta (3)

Il-Ħadd 21 ta’ April  – 16:30 – A to Z Electronics Athleta vs Floriana Francesco Fenech (4)

Il-Ħadd 28 ta’ April – 13:00 – Floriana Francesco Fenech vs A to Z Electronics Athleta (5)





Leave a comment