Finali bejn Falken Cynergi Virtus u Gżira Athleta

Monday, December 14, 2015, 18:43

BANK OF VALLETTA KNOCK-OUT – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Falken Cynergi Virtus 76

Floriana Cafè Del Mar 69

(13-21)(17-14)(26-21)(20-13)

Ic-champions Falken Cynergi Virtus urew il-qawwa tagħhom f’din il-partita meta minkejja li kienu mingħajr David Camilleri, Jacob Formosa u tilfu lil Shawn Pace kmieni fit-tieni sessjoni bil-fouls, huma xorta għelbu lil Floriana Cafè Del Mar 76-69 biex waslu sal-finali tal-BOV Knock-out. Floriana minn naħa tagħhom kienu mingħajr Nigel Sultana. Floirana bdew tajjeb u kellhom il-punti ta’ Chad Patus, Lee Ross u Sean Borg. Virtus kellhom trippla minn Peter Shoults però Floriana komplew bi break ta’ 13-2 b’aktar punti minn Patus, Ross u Anton Axiaq. Lejn it-tmiem David Bugeja kellhu 5 punti konsekuttivi għal skor ta’ 21-13. Fit-tieni perjodu bdew inaqqsu d-distakk bil-punti ta’ Chris Santo però Floriana wieġbu bil-punti minn Andrew Micallef Trigona u Abraham Portelli. Alec Felice Pace kellhu trippla għal Virtus però Patus, frisk mir-rebħ tal-BOV player tax-xahar ta’ Novembru, kompla bil-punti għal Floriana li daħlu jistrieħu 5 minn fuq 35-30.

Fit-tielet perjodu, Floriana fetħu b’basket minn Sean Borg però hawn Virtus għamlu run ta’ 10-2 bi three pointers minn Bugeja u Shoults flimkien ma’ Santo biex ħadu l-vantaġġ 40-39. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Patus u Borg biex reġgħu marru minn fuq iżda l-vantaġġ kompla jibdel l-idejn hekk kif Shoults kellhu trippla oħra għac-champions u poġġijhom minn fuq 49-48. Ross u Virtus wieġbu għal Floriana qabel ma Virtus reġgħu marru fuq quddiem bi trippla ta’ Robert Bonnici u l-punti ta’ Santo iżda qabel tmiem is-sessjoni Ross għamel trippla għal Floriana biex ir-raba’ taqsima bdiet fuq parita 56-56. Fl-aħħar sessjoni kienu Virtus li reġgħu ħadu l-vantaġġ hekk kif Shoults kiseb ir-raba’ trippla tiegħhu. Floriana tħabtu biex jibqgħu viċin speċjalment bil-punti ta’ Patus. Huma kellhom l-aħħar pusess iżda Vasovic għażel li jidħol waħdu fiż-żona u spiċċa biex tilef il-ballun. Huwa kompla bil-protesti biex tkeċċa u Bonnici għamel l-aħħar 4 free-throws biex Virtus rebħu l-partita 76-69.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace, D. Bugeja 16, R. Bonnici 13, L. Sobers, S. Bonnici, A. Felice Pace 3, C. Santo 27, A, Schembri, F. Bartolo, P. Shoults 17, T. Grech.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 30, K. Schembri, L. Ross 11, S. Borg 9, A. Portelli 4, N. Vasovic 3, C. Calleja 2, A. Axiaq 8, A. Micallef Trigona 2, N. Andrejevic.

Referees:  Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Teemu Helenius.

Pavi Depiro 68

Gżira Athleta 96

(25-17)(11-36)(15-22)(17-21)

Gżira Athleta warrbu d-diżappunt li kellhom fit-tazza Louis Borg meta għamlu rebħa tajba fuq Pavi Depiro 96-68. B’hekk huma kisbu d-dritt li jiddefendu l-unur tan-Knock out li rebħu għal dawn l-aħħar tlett staġuni. Athleta rkupraw lil Roderick Vella però kien nieqes Nikolai Lubrano. Il-partita fetħet bi three pointers fuq iż-żewġ naħat però imbagħad Depiro kellhom il-punti tal-Amerikan Michael Nwelue flimkien ma’ trippla minn Timothy Zammit u marru 17-10 minn fuq. Michael Naudi u Adrian Micallef wieġbu għal  Athleta però Depiro għalqu s-sessjoni b’żewġ three pointers minn Zammit u Nwelue għal skor ta’ 25-17. Fit-tieni sessjoni Athleta bdew bi break ta’ 10-2 b’żewġ three pointers ta’ Billy Zammit biex marru fil-vantaġġ 30-29. Depiro ma wettqux reazzjoni u Athleta rrispondew bil-qawwa u għamlu run ta’ 18-0 b’diversi punti minn Naudi, Adrian Micallef u Dan Weirsum u fil-half time kellhom vantaġġ tajjeb ta’ 17 -il punt 53-36.

Fit-tielet taqsima, Depiro bdew bi break qasir ta’ 6-0 bil-punti ta’ Nwelue u Malcol Mallia iżda mbagħad kien hemm risposta oħra qawwija minn Athleta. Huma għamlu run ta’ 16-5 bi tlett three pointers minn Weirsum. Athleta issa kienu fil-kontroll tal-partita u komplew iżidu l-punteġġ tagħhom fl-aħħar sessjoni hekk kif kellhom ukoll diversi three pointers. Zammit kellhu tlieta oħra u kienu 27 punt fuq  quddiem fil-ħames minuta 87-60. Andrew Aquilina u Vangelis Vlachos kellhom l-aħħar punti ta’ Depiro iżda Athleta ma kellhom l-ebda problema biex jikkontrollaw u jaslu sal-finali fuq skor finali ta’ 96-68.

Pavi Depiro: J. Attard 2, M. Agius, J. Camilleri, D. Schembri, A. Aquilina 6, N. Grech 2, T. Zammit 18,  M. Mallia 2, V. Vlachos 4, K. Xuereb 17, M. Borg, M. Nwelue 17.

Gżira Athleta: M. Naudi 22, R. Vella, D. Wiersum 30, L. Stefanovic, I. Buldakov 1, B. Zammit 24, A. Micallef 19, S. Vincic, J. Wait, M. G. Montaldo.

Referees: Emanuel Mangani, Alfred Carbonaro, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment