Finali bejn Falken Cynergi Virtus u Floriana Cafè Del Mar

Monday, November 2, 2015, 17:26

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Falken Cynergi Virtus 79

Bupa Luxol 76

(10-19)(21-12)(27-19)(21-26)

Falken Cynergi Virtus kienu l-ewwel team li kkwalifika għall-finali tas-St. James Hospital Shield wara li f’partita sabiħa għelbu lil Bupa Luxol 79-76. Għal Virtus kien hemm id-debutt posittiv ta’ Jacob Formosa b’10 baskets minn 12 –il tentattiv però matul il-logħba tilfu lil David Bugeja u Peter Shoults fil-minuti finali b’injury. Luxol kellhom l-aqwa bidu u baqgħu viċin tal-avversarji tul il-partita kollha. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’ CJ Cordina u l-Amerikan Colt Fason. Ir-risposta ta’ Virtus waslet minn baskets ta’ Formosa u trippla ta’ Peter Shoults.  Hawn Luxol għamlu break ta’ 11-0 li bdewh bi trippla ta’ Jean Paul Schembri flimkien ma’ Tom Paris u Fason għal skor ta’ 19-10. Virtus ġew lura fil-ftuħ tat-tieni taqsima meta bdew bi three pointers minn Shawn Pace u Shoults. Luxol wieġbu minn Fason u Jamie Willoughby qabel ma Virtus ġabu l-iskor indaqs wara baskets minn David Bugeja. Luxol reġgħu marru minn fuq u minkejja li Virtus irrispondew bi trippla oħra ta’ Shoults kien Fason li kiseb l-aħħar punti tat-taqsima għal skor ta’ 31-31.

Wara l-intervall Virtus fetħu bil-punti tal-Amerikan Chris Santo u Robert Bonnici però sitt punti konsekuttivi minn Fason ħallew lil Luxol minn fuq. Hawn Virtus għamlu break ta’ 15-4 bi trippla ta’ Bonnici flimkien ma’ diversi punti minn Formosa u Santo biex marru 9 minn fuq 50-41. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet minn Cordina b’seba’ punti konsekuttivi fosthom trippla però Virtus kellhom 8 punti oħra fosthom trippla ta’ Shawn Pace biex baqgħu minn fuq 58-50. Fl-aħħar taqsima, Luxol bdew inaqqsu d-distakk għal darb’oħra bil-punti ta’ Marco Mercieca u Fason. Santo rrisponda għac-champions iżda Luxol kellhom it-three pointers minn Cordina u Fason. Luxol waslu sa’ punt ‘l bogħod però l-aħħar free-throws ta’ Formosa aċċertaw post fil-finali għal Virtus.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace 6, D. Bugeja 4, R. Bonnici 5, D. Camilleri, J. Formosa 24, A. Felice Pace, C. Santo 29, F. Bartolo, P. Shoults 11, T. Grech.

Bupa Luxol: CJ Cordina 18, C. Fason 33, J. Willoughby 4, J.P. Schembri 6, K. Dimech, T. Paris 4, J. Maistre, M. Mercieca 11. J.P. Bonnici.

Referees: Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Gżira Athleta 74

 

Floriana Cafè Del Mar 83

(10-14)(23-14)(18-19)(18-22)(5-14)

Bħal ta’ qabilha din is-semifinali rriżultat f’waħda mill-isbaħ fejn saħansitra kien meħtieġ il-ħin barrani biex finalment Floriana Cafè Del Mar kisbu d-dritt li jikkontestaw il-finali tas-St. James Hospital Shield kontra c-champions Virtus. Gżira Athleta kellhom bidla fil-player Amerikan tagħhom hekk kif huma rreġistraw lill-Amerikan Moe Briggs minflok Markus Montague u kellhom ukoll id-debutt tal-Olandiż Daan Wiersum.  Billy Zammit seta’ finalment jagħmel id-debutt tiegħhu uffiċjalment wara injury fit-tazza tal-Indipendenza. Floriana wkoll kellhom xi tibdil hekk kif irritorna Nigel Sultana u ddebutta Andrew Micallef Trigona. Il-partita ħadet svolta favur il-Floriana fil-ħin barrani hekk kif Athleta tilfu ħames players bil-fouls fosthom iż-żewġ barranin. Briggs beda mall-ewwel bil-punti għall-Athleta biex marru fuq quddiem. Floriana kellhom il-punti ta’ Chad Patus li tul il-partita kollha kellhu 25 free-throw. Floriana kellhom l-aħħar erba’ punti tal-ewwel sessjoni biex temmewha minn fuq 14-10. Fit-tieni perjodu Athleta bdew b’sitt punti oħra mingħajr risposta.  Huma żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Roderick Vella u minkejja li Floriana kellhom il-punti ta’ Anton Axiaq u Lee Ross, Athleta komplew bi break ta’ 9-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 30-22. Axiaq u Patus irrispondew mill-ġdid għal Floriana qabel ma Briggs kellhu trippla eżatt mal-horn u Athleta daħlu jistrieħu 33-28 minn fuq.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin u basket ta’ Micallef Trigona ressaq lil Furjaniżi basket ‘l bogħod 35-37. Run oħra ta’ 10-1 minn Athleta b’aktar ta’ Briggs u Michael Naudi tat vantaġġ massimu ta’ 9 punti lill-Athleta.  Floriana wieġbu bi trippla ta’ Ross u l-punti ta’ Patus però Athleta baqgħu minn fuq 51-47. Fir-raba’ perjodu, Athleta reġgħu żiedu l-vantaġġ bil-punti konsekuttivi ta’ Briggs. Sean Borg u Nikola Vasovic kellhom il-punti ta’ Floriana flimkien mal-free-throws ta’ Patus. Athleta reġgħu żiedu l-vantaġġ għal 9 punti però bdew jitilfu l-players u Floriana finalment ġabu l-iskor indaqs wara punti ta’ Sultana 65-65. Sa’ tmiem il-partita l-ebda team ma rnexxielhu jagħlaq il-partita biex kien hemm bżonn il-ħin barrani fuq skor ta’ 69-69. Hawn Athleta komplew jitilfu l-players bil-coach Joe Galea kostrett li juża players minn fuq il-bank bi ftit esperjenza f’mumenti bħal dawn. Floriana approfittaw u bil-free-throws kontinwi tagħhom għalqu l-partita fuq skor finali ta’ 83-74.

Gżira Athleta: M. Naudi 18, R. Vella 3, M. Briggs 40, M. G. Montaldo, I. Buldakov, B. Zammit 6, A. Micallef, L. Stefanovic, S. Vincic, N. Lubrano 3, D. Wiersum 4.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 32, D. Borg, L. Ross 14, N. Sultana 14, S. Borg 2, A. Portelli 2, N. Vasovic 9, C. Calleja, A. Axiaq 8, A. Micallef Trigina 2, O. Shamala, N. Andrejevic.

Referees: Bernard Vassallo,  Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.





Leave a comment