Finali bejn Depiro u Balkan Fusion

Tuesday, February 13, 2018, 20:20

Bank of Valletta Knock-out Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Hibs 49

Depiro 73

(8-16)(10-20)(8-19)(23-18)

Depiro saru l-ewwel team li għadda għall-finali wara li għelbu lil Hibernians 73-49  minkejja li għal ħinijiet twal il-coach Alfred Mifsud ta ħin lil players żgħażagħ fuq il-court. Hibs kienu mingħajr Stefan Vella u tul il-partita tilfu b’injuries lil Paul Attard u Kurt Sultana fil-waqt li għal Depiro kienu nieqsa Kurt Xuereb u Janis Vibe però nkludew mill-ġdid lil Marko Zloh. Depiro marru 8-3 minn fuq bil-punti tas-solitu Jack Nygaard li flimkien ma’ Matthew Borg għamlu l-punti fl-ewwel sessjoni. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Sultana iżda punti konsekuttivi ta’ Nygaard taw vantaġġ ta’ 8 punti lil Depiro 16-8. Fit-tieni taqsima ż-żewġ timjiet bdew jirrispondu lil xulxin biex il-vantaġġ ta’ Depiro baqa’ ta’ seba’ punti 23-16. Hawn però Depiro għamlu run ta’ 13-2 bil-punti ta’ Adam Chomo, Nygaard u Jonathan Camilleri biex fl-intervall kellhom vantaġġ doppju 36-18.

Wara l-mistrieħ, Depiro komplew fejn ħallew u żiedu l-vantaġġ bi break ieħor ta’ 10-0. Hibs finalment waqqfuhom b’baskets ta’ Attard qabel ma weġġa’ però Depiro komplew jagħfsu bil-baskets minn Nicholas Grech u Miguel Brincat biex temmew it-taqsima 55-26 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Hibs bdew bi break ta’ 8-2 b’żewġ baskets ta’ Aryton Galea biex naqqsu xi ftit id-distakk. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Andy Attard li kellhu wkoll trippla. Lejn it-tmiem Hibs kellhom punti konsekuttivi minn Jeremy Piscopo u Michael Houmpton però Depiro kellhom vantaġġ komdu biex ħarġu rebbieħa 73-49.

Hibs: M. Formosa 2, K. Sultana 11, A. Galea 6, P. Attard 4, I. Bonett 6, E. Xuereb 3, J. Piscopo 6, K. Caruana 8, M. Houmpton 3, R. Aquilina.

 

Depiro: M. Borg 17, M. Brincat 2, E. Briffa, M. Debattista, A. Attard 9, N. Grech 5, J. Camilleri 4, J. Nygaard 21, A. Chomo 11, M. Zloh 4.

Referees: Nicky Azzopardi, Brian Sly, Jason Cole

Balkan Fusion 74

Luxol 48

(11-20)(16-11)(21-6)(26-11)

Fit-tieni semi-finali Balkan Fusion ħarġu rebbieħa kontra Luxol 74-48 biex se jikkontestaw it-tieni finali tagħhom dan l-istaġun wara li aktar qabel kienu rebħu s-Shield. Fil-kampjonat, Luxol kienu taw l-ewwel u l-uniku telfa lil Balkans s’issa f’partita mill-isbaħ però din id-darba Balkan ħadu l-partita fidejhom speċjalment wara l-intervall. Luxol kellhom jagħddu mingħajr Keith Dimech għal dan il-konfront hekk kif aktar tard fil-ġurnata kien impenjat mat-team tal-kbar fil-finali tat-tazza Louis Borg. Huma rkupraw lil Ben Caruana Montaldo u Liam Caruana Montaldo u Balkan kellhom lura lil Alex Perunicic. L-ewwel ħinijiet tal-partita kienu bilanċjati b’baskets fuq kull naħa bil-Balkani jieħdu vantaġġ ta’ 4 punti 11-7 bil-baskets ta’ Nikola Stankovic. Luxol irrispondew b’run ta’ 13-0 b’ħafna punti ta’ Vukassin Jandric li kellhu wkoll trippla biex temmew il-perjodu 20-11 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Balkan bdew bil-punti ta’ Bogdan Ilic però Luxol komplew iwieġbu fost l-oħrajn bi trippla ta’ Clayton Calleja biex baqgħu fuq quddiem 29-18. Hawn Balkan għamlu seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Ilic biex naqqsu d-distakk però fl-intervall Luxol kienu għadhom 4 minn fuq 31-27.

Fit-tielet sessjoni, Balkan ħadu l-vantaġġ bil-punti ta’ Ilic u Stankovic. Luxol wieġbu permezz ta’ Jandric però Balkan kellhom run posittiva ta’ 15-4 b’diversi three pointers minn Perunicic u Bogdan Mrkojevic biex fetħu distakk ta’ 11 –il punt 48-37. Il-mument tajjeb ta’ Balkan kompla fil-ftuħ tar-raba’ taqsima meta bdew b’run oħra ta’ 11-2.  Mrkojevic kellhu trippla oħra flimkien ma’ Stankovic, Perunicic u Ilic. Jandric kiseb tlett punti għal Luxol iżda Balkan żiedu l-vantaġġ bi break ieħor ta’ 15-4 b’żewġ trippli minn Perunicic u Slavko Opojevlic. Huma issa kellhom vantaġġ ta’ 30 punt u l-aħħar punti tal-partita ġew minn Luxol permezz ta’ Calleja u Adrian Micallef biex Balkan rebħu l-partita 74-48. L-appuntament issa huwa għal 31 ta’ Marzu għall-finali bejn Depiro u Balkan li ftit ġimgħat ilhu offrew partita spettakolari fil-kampjonat.

Balkan Fusion: N. Radicevic, M. Stjepanovic, B. Ilic 18, I. Kumric 2, S. Opojevlic 3, A. Perunicic 13, S. Jorba 2, B. Mrkojevic 16, N. Bukva, V. Lekovic 2, N. Stankovic 17.

 

Luxol: L. Caruana Montaldo 4, V. Jandric 30, B. Caruana Montaldo, C. Calleja 9, M. Sjoberg, J. Navarro, A. Micallef 6, M. Steenkamer.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Jason Cole (Brian Sly).





Leave a comment