Finali bejn Caffè Moak Luxol u Electrofix Hibs

Thursday, December 24, 2015, 17:10

ST. JAMES HOSPITAL KNOCK-OUT NISA

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 42

Caffè Moak Luxol 67

(10-18)(6-11)(11-13)(15-25)

Caffè Moak Luxol saru l-ewwel finalisti tas-St. James Hospital Knock-out wara li għelbu lil Gżira Athleta 67-42 fis-semifinali. Luxol diġa għelbu lil Athleta fil-logħob tas-Shield aktar qabel u għal din il-partita kellhom lura lil Greta Costa però kienu nieqsa Louisa Serge u Christina Curmi. Il-partita fetħet b’żewġ baskets fuq kull naħa iżda minn hemm ‘l quddiem Luxol bdew jiftħu vantaġġ. Huma kellhom il-punti ta; Joselle Borg Cardona u Paula Ellul biex temmew l-ewwel taqsima 18-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat. Kienu Athleta li bdew bil-punti ta’ Kelly Busuttil u trippla ta’ Antoinette Borg. Luxol imbagħad kellhom ir-risposta tagħhom u din waslet bi 11 –il punt konsekuttiv. Sarah Pace kellha żewġ trippli flimkien m’oħra minn Mandi Mercieca u basket ta’ Sophie Abela biex daħlu jistrieħu 29-16 minn fuq.

Wara l-intervall,  Athleta kellhom l-ewwel punti b’żewġ baskets ta’ Chantelle Mifsud u Sharon Vella. Iżda kull darba li bdew inaqqsu d-distakk sabu lil Luxol jirrispondu bi three pointers minn Sarah Pace li kellha tnejn oħra flimkien ma’ Greta Costa. Fl-aħħar taqsima, Luxol bdew bi break qawwi ta’ 13-2 biex serrħu rashom mir-riżultat. Beverlee Zammit kellha żewġ three pointers u kien hemm ukoll il-punti ta’ Steffi De Martino flimkien ma’ Abela u Christina Sollami. Lejn it-tmiem Athleta naqqsu xi ftit id-distakk meta kellhom il-punti ta’ Busuttil flimkien ma’ Borg u Denise Said Hollier però kienu Luxol li rebħu l-partita 67-42.

Gżira Athleta: M. Debono, K. Busuttil 8, S. Pisani, L. Sciberras 9, S. Cilia, D. Said Hollier 10, A. Borg 6, R. Sciberras, S. Vella 4, E. Pace, C. Mifsud 5.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 16, B. Zammit 8, N. Agius 2, J. Borg Cardona 6, M. Mercieca 5, S. De Martino 7, C. Sollami 4, S. Abela 6, P. Ellul 4, G. Costa 5, M. Darmanin 2, A. Calleja.

Referees: Emanuel Mangani, Jennifer Mangani

Pavi Depiro 28

Electrofix Hibs 78

(7-20)(8-16)(0-16)(13-26)

Electrofix Hibs ukoll kisbu post fil-finali meta għelbu lil Pavi Depiro 78-28 f’partita li huma ddominaw sa mill-ewwel minuti u ma taw l-ebda ċans lil Depiro li jimpustaw il-logħob tagħhom. Hibs kienu 13-6 minn fuq sa nofs l-ewwel sessjoni bi trippla ta’ Christina Grima fil-waqt li Depiro kellhom il-punti ta’ Gaby Mifsud u Samantha Brincat. Hibs komplew b’run ta’ 7-0 kollha minn free-throws minn C. Grima u Josephine Grima flimkien ma’ Elena Cassar biex għalqu s-sessjoni 20-7 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Depiro bdew bi trippla ta’ Brincat u wara li Hibs kellhom sitt punti oħra, Maria Bonett u Tina Mifsud bi trippla reġgħu wieġbu għal Depiro. Minn hemm ‘l quddiem kien hemm biss il-punti ta’ Hibs li għamlu break ieħor ta’ 10-0 b’baskets minn Maria Said u Nadia Mifsud u daħlu jistrieħu 36-15 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Hibs iddefendew bil-qawwi u Depiro ma rnexxielhom jagħmlu l-ebda punt . Hibs kellhom 16 –il punt mingħajr risposta fejn bdew bil-punti konsekuttivi ta’ C. Grima flimkien ma’ Said, Julia Scerri u Cassar għal skor ta’ 52-15. L-aħħar sessjoni bdiet b’run oħra ta’ 10-0 minn Hibs bid-Depiro jitilfu lil coach Adrian Mifsud li tkeċċa wara protesti. Wara kien hemm aktar punti minn Hibs fosthom trippla ta’ Kim Portainer Mifsud fil-waqt li Depiro kellhom il-punti konsekuttivi ta’ Claire Ciantar però r-riżultat kien ilhu deċiż u Hibs ħarġu rebbieħa 78-28.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 4, S. Brincat 6, M. Bonett 2, T. Mifsud 3, P. Montanaro, J. Xuereb, S. Micallef, C. Ciantar 13.

Electrofix Hibs: J. Scerri 1, E. Cassar 5, N. Vella 2, I. Agius 6, J. Grima 10, M. Said 6, C. Grima 30, K. P. Mifsud 3, N. Mifsud 4, H. Al Tumi 7, N. Farrugia 4, K. Caruana.

Referees: Stephen Micallef, Christine Farrugia.





Leave a comment