- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Finali bejn Bupa Luxol u AtoZ Electronics Athleta

Posted By sportinmalta1 On February 11, 2014 @ 6:24 pm In Basketball,Featured | No Comments

TAZZA LOUIS BORG IRĠIEL

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 80

Floriana Royce 57

(19-19)(25-9)(17-18)(19-11)

Run ta’ 15-0 fit-tieni sessjoni minn Bupa Luxol kienet deċisiva għall-kumplament ta’ din il-partita biex huma ħadu rebħa ta’ 80-57 fl-ewwel leg tas-semifinali tat-tazza Louis Borg. Luxol komplew jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom f’din il-partita speċjalment Samuel Deguara li kellhu wkoll tripple double stupend b’31 rebound, 24 punt u 10 blocks. Huwa wkoll joħloq l-ispazju għall-players l-oħra bħal l-Amerikan Michael Myres Keitt li f’din il-partita kellu 34 punt. Floriana tħabtu kemm setgħu però Derek Elston kellhu partita kwieta u għalkemm patta Dirk Schembri dan ma kienx biżżejjed. Kienu Luxol li ħadu l-ewwel vantaġġ wara l-ewwel punti ta’ Deguara u trippla ta’ Nikola Vasovic u marru 9-4 minn fuq. Floriana wieġbu permezz ta’ Derek Elston u David Agius bil-Luxol iżidu l-vantaġġ permezz ta’ Myres Keitt. Floriana kellhom mument tajjeb bi break ta’ 9-2 b’punti minn Elston, Schembri u Peter Shoults u s-sessjoni ntemmet f’partita ta’ 19-19. Luxol rmarru minn fuq fil-ftuħ tat-tieni perjodu wara baskets minn Myres Keitt, Nikola Vasovic u Marco Mercieca. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Billy Zammit li kellhu wkoll trippla però dawn kienu l-aħħar punti tagħhom f’din is-sessjoni. Minn hemm ‘l quddiem kien hemm biss punti ta’ Luxol li bdew minn Jean Paul Schembri u Myres Keitt. L-Amerikan kompla jżidilhom il-vantaġġ flimkien ma’ Deguara u Vasovic u Luxol daħlu jistrieħu 16 –il punt minn fuq 44-28.

Wara l-intervall ic-champions bdew bi break ta’ 8-2 bi tlett baskets ta’ Schembri u basket ta’ Clayton Calleja u naqqsu d-distakk għal 10 punti 36-46. Dan il-mument però ma damx wisq għax Luxol għamlu żewġ baskets minn Myres Keitt u tnejn oħra minn Deguara u l-vantaġġ tagħhom baqa’ ta’ 15 –il punt 61-46 fil-bidu tar-raba’ taqsima. Fl-aħħar taqsima Luxol reġgħu ħarġu tajjeb u għaqqdu break ieħor ta’ 10-2 bil-punti kollha jaslu minn Myres Keitt u Deguara. Floriana kellhom żewġ baskets minn Schembri iżda fl-aħħar żewġ minuti Luxol kellhom l-aħħar break ta’ 9-2 biex rebħu l-partita 80-57.

Bupa Luxol: C.J. Cordina,  M. Mercieca, A. Micallef, N. Andrejevic, J. Willoughby, J.P. Schembri 8, N. Vasovic 13, J.P. Bonnici 1, M. Myres Keitt 34, A.Micallef Trigona, S. Deguara 24, S. Capello.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 13, D. Camilleri, P. Shoults 1, S. Borg, B. Zammit 5, C. Calleja 6, D. Schembri 30, D. Agius 2.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Clive Terribile.

AtoZ Electronics Athleta 82

Remax Citadel Siġġiewi 77

(12-22)(24-17)(24-18)(20-20)

AtoZ Electronics Athleta wkoll fetħu vantaġġ żgħir fi tmiem l-ewwel semi-finali tagħhom kontra Remax Citadel Siġġiewi meta ħarġu rebbieħa 82-77. Kif jindika l-iskor il-partita kienet kumbattuta biż-żewġ timijiet ikollhom  il-mument tagħhom u nista’ ngħid li min żbalja l-anqas rebaħ. Siġġiewi tilfu wisq blalen speċjalment f’waqtiet li Athleta kienu f’mumenti diffiċli. Il-Kanadiż Chad Patus kellhu partita tajba flimkien mas-soliti Michael Naudi u Steve Schembri u għal Siġġiewi it-tul ta’ Ivo Hoeger reġa’ kien determinanti. Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ 8-4 fl-ewwel tlett minuti bis-Siġġiewi jirrispondu bil-punti ta’ Marco Matijevic u Chris Meier biex kienu huma li marru minn fuq 11-8 f’nofs is-sessjoni. Athleta kellhom il-punti ta’ Naudi u David Bugeja però fl-aħħar żewġ minuti Siġġiewi kellhom seba’ punti mingħajr risposta biex temmew is-sessjoni 10 minn fuq 22-12. Athleta bdew it-tieni taqsima b’żewġ baskets ta’ Patus però Siġġiewi kellom ħames punti oħra qabel ma Schembri kellhu trippla għall-Athleta biex reġa’ naqqsilhom id-distakk. Siġġiewi komoplew bil-punti ta’ Lee Ross, Meier u Hoeger biex reġgħu marru 11 minn fuq 38-27. Hawn iżda Siġġiewi irregalaw erba’ pusessi wara xulxin b’turnovers konsekuttivi u Athleta approfittaw għaliex bi trippla ta’ Bugeja bdew run ta’ 9-1 u sal-half-time naqqsu d-distakk għal 3 punti 36-39.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni Siġġiewi baqgħu minn fuq wara trippli minn Steve Sammut b’Patus kontinwament jirrispondi għall-Athleta fosthom trippla biex fir-raba’ minuta kien hemm basket jifred liż-żewġ timijiet 46-48. Wara li Siġġiewi għamlu żewġ baskets oħra, Athleta kellhom run ta’ 12-1 fosthom trippla ta’ Shawn Pace li poġġiethom minn fuq u żammew il-vantaġġ sat-tmiem il-perjodu 60-57. Fl-aħħar taqsima Siġġiewi resqu viċin wara punti ta’ Sammut u Hoeger. Athleta rkupraw u għamlu break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Omar Said. Siġġiewi wieġbu bil-freethrows ta’ Ross però Athleta wkoll kellhom il-punti ta’ Said u trippla ta’ Schembri  biex marru disa’ minn fuq 79-70. Siġġiewi kellhom ħames punti mingħajr risposta lejn it-tmiem li servew biss biex inaqqsu d-distakk u Athleta ħarġu rebbieħa 82-77.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 14, D. Bugeja 6, C. Patus 28, C. Galea, W. Spiteri, O. Said 14, S. Pace 5, D. Ross, K. Baldacchino 3, S. Schembri 12.

Remax Citadel Siġġiewi: C. Meier 12, A. Debattista, S. Sammut 11, C. Sammut 4,  E.Xuereb, L. Camilleri, A. Borg, L. Ross 12, J.P. Antoncic, I. Hoeger 28, M. Mallia, M. Matijevic 10.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Teemu Helenius

Floriana Royce 66

Bupa Luxol 65

 

(10-17)(17-13)(14-20)(25-15)

Ic-champions Floriana Royce finalment ħadu

Floriana vs Luxol

l-ewwel rebħa taħt it-tmexxija ta’ Christoph Stolp meta fit-tieni leg tas-semifinali tagħhom kontra Bupa Luxol rebħu 66-65. Għall-fini ta’ kwalifikazzjoni din it-telfa ma tellfitx lil Luxol milli jaslu sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni għaliex bl-aggregate huma rebħu 145-123. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 9-2 b’żewġ baskets ta’ Samuel Deguara flimkien ma’ Nikola Vasovic u Adrian Micallef. Floriana kellhom il-punti ta’ Dirk Schembri flimkien ma’ Derek Elston però Luxol żiedu l-vantaġġ b’baskets ta’ Michael Myres Keitt u Deguara u temmew l-ewwel sessjoni 17-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu Floriana kellhom run ta’ 10-3 fejn minkejja li Jean Paul Schembri kellhu trippla għal Luxol, fis-sitt minuta kien hemm parita 22-22 wara tlett baskets minn Elston. Luxol wieġbu b’żewġ baskets ta’ Deguara flimkien ma’ Myres Keitt biex reġgħu marru minn fuq u fl-intervall kienu 3 minn fuq 30-27.

Fit-tielet taqsima, Luxol reġgħu fetħu tajjeb bi break ieħor qasir ta’ 8-2 bil-punti għal darb’oħra jaslu minn Deguara u Myres Keitt. Floriana reġgħu ġew lura bil-punti ta’ Schembri u Elston flimkien ma’ Clayton Calleja. Il-punti ta’ Luxol baqgħu ġejjin minn Deguara u Myres Keitt għalkemm lejn it-tmiem kien hemm ukoll basket ta’ Vasovic biex temmew is-sessjoni disa’ punti minn fuq 50-41. Sa’ nofs l-aħħar taqsima il-vantaġġ ta’ Luxol kiber għal 13 –il punt 58-45 b’aktar punti ta’ Deguara. Hawn Floriana minflok iddemoralizzaw ruħhom, għaqqdu run ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Billy Zammit u naqqsu d-distakk għal 4 punti. Luxol kemm żewġ baskets ta’ Myres Keitt u ieħor ta’ Deguara biex reġgħu żiedu l-vantaġġ però żewġ trippli ta’ Elston taw il-vantaġġ lil Floriana u b’Marco Mercieca jfalli żewġ freethrows fl-aħħar sekondi il-Furjaniżi ħadu r-rebħa 66-65.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 21, D. Camilleri, P. Shoults, S. Borg 2, B. Zammit 5, C. Calleja 8, D. Schembri 28, D. Agius 2.

Bupa Luxol: C.J. Cordina,  M. Mercieca, A. Micallef 6, N. Andrejevic, J.P. Schembri 4, N. Vasovic 7, J.P. Bonnici, M. Myres Keitt 14, S. Deguara 34.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Teemu Helenius

Remax Citadel Siġġiewi 70

AtoZ Electronics Athleta 81

(16-36)(18-22)(24-12)(12-11)

AtoZ Electronics Athleta b’wirja stupenda speċjalment fl-ewwel sittax –il minuta tal-partita għelbu lil Remax Citadel Siġġiewi 81-70 biex għaddew għall-finali fuq aggregate ta’ 163-147. Fl-ewwel parti tal-logħba, Siġġiewi kienu miftuħa beraħ speċjalment fid-difiża fejn Chad Patus u u Michael Naudi għamlulhom ħsara kbira. Athleta bdew bil-punti ta’ Naudi u trippla ta’ Patus però Siġġiewi kellhom ir-risposta permezz ta’ Chris Meier li wkoll kellhu three pointer. Athleta żiedu l-vantaġġ tagħhom b’run ta’ 13-5 b’aktar punti ta’ Naudi u Patus flimkien ma’ David Bugeja li wkoll kellhom three pointer. Siġġiewi minbarra li kellhom il-problemi fid-difiża, sabu wkoll diffikulta fl-attakk u Athleta fetħu vantaġġ ta’ 20 punt fi tmiem l-ewwel sessjoni 36-16 fejn lejn it-tmiem kellhom run oħra ta’ 10-3. Fit-tieni sessjoni Athleta kellhom run oħra ta’ 10-2 b’żewġ trippli ta’ Patus flimkien ma’ Naudi u Omar Said. Fis-sitt minuta Siġġiewi finalment bdew jirrispondu u kellhom run ta’ 10-2 bil-baskets kollha jaslu minn Ivo Hoeger. Huma naqqsu d-distakk għal 18 –il punt 34-52 però Athleta reġgħu żiedu d-distakk b’sitt punti oħra b’Patus itemm it-taqsima bil-ħames trippla tiegħhu.

Wara l-intervall, Siġġiewi tejjbu l-logħba tagħhom u bdew bi break ta’ 10-0 b’żewġ baskets ta’ Hoeger u Lee Ross flimkien ma’ Meier. Fir-raba’ minuta, Said għamel trippla biex waqqaf ir-run ta’ Siġġiewi  però Hoeger kompla għaddej bil-punti tiegħu u sa’ tmiem is-sessjoni naqqsu d-distakk bin-nofs 58-70 hekk kif Said għamel trippla oħra. Fl-ewwel minuti tal-aħħar sessjoni ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex il-vantaġġ tal-Athleta baqa’ ta’ 13 –il punt 77-64. Siġġiewi kellhom il-freethrows ta’ Marco Matijevic u Hoeger però kienu għadhom il-bogħod wisq mill-Athleta li setgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex rebħu l-partita 81-70 biex waslu sal-ħames finali tagħhom dan l-istaġun.

Remax Citadel Siġġiewi: C. Meier 19, A. Debattista, S. Sammut, C. Sammut,  E.Xuereb, L. Camilleri, A. Borg 3, L. Ross 8, J.P. Antoncic, I. Hoeger 36, M. Mallia, M. Matijevic 4.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 23, D. Bugeja 7, C. Patus 29, W. Spiteri, O. Said 13, S. Pace 2, C. Galea, D. Ross, K. Baldacchino 3, S. Schembri 4.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Clive Terribile.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/finali-bejn-bupa-luxol-u-a-to-z-electronics-athleta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.