Finali bejn AtoZ Electronics Athleta u Cynergi Virtus

Monday, November 10, 2014, 18:19

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD IRĠIEL

minn Colin Schembri

AtoZ Electronics Athleta 77        

Bupa Luxol 54        

(8-16)(26-10)(20-8)(23-20)

AtoZ Electronics Athleta huma l-ewwel finalisti tas-St. James Hospital Shield meta għelbu lil Bupa Luxol 77-54. Luxol żammew il-pass mall-avversarji sa’ l-ewwel sessjoni li saħansitra rebħuha 16-8 però c-champions bdew jiddominaw il-partita mit-tieni sessjoni ‘l quddiem biex rebħu l-partita. Wara bidu kwiet kienu Luxol li ħadu l-ewwel vantaġġ wara żewġ three pointers tal-Amerikan Orlando Rutledge u fis-seba’ minuta kienu 10-4 minn fuq. Wara trippla ta’ Omar Said għall-Athleta, Luxol kellhom sitt punti oħra minn Andrew Micallef Trigona, Jean Paul Bonnici u Rutledge biex temmew it-taqsima 16-8 minn fuq. It-tieni sessjoni kienet storja differenti hekk kif Athleta bdew bi break ta’ 14-0. Huma kellhom trippla ta’ Chad Patus u oħra ta’ Andrew Aquilina flimkien ma’ Michael Naudi. Sa’ nofs il-perjodu huma kienu diġa fetħu vantaġġ ta’ 6 punti 22-16 u bil-Luxol isibu diffikulta biex jiksbu l-punti, Athleta komplew iżidu d-distakk permezz tal-punti konsekuttivi ta’ Patus. Il-punti ta’ Luxol ġew minn Rutledge u Stefan Cappello però fil-halftime Athleta kellhom vantaġġ ta’ 8 punti 34-26.

Fit-tielet taqsima Athleta komplew jikkonfermaw is-superjorita tagħhom. Wara żewġ baskets minn Said u Naudi, Luxol irrispondew bil-punti ta’ Rutledge u Abraham Portelli. Hawn Athleta kellhom run ta’ 12-0 b’iżjed punti minn Naudi u Patus biex temmew il-perjodu b’20 punt minn fuq 54-34. Fl-aħħar sessjoni Luxol bdew bil-punti ta’ Rutledge u Jean Paul Schembri. Athleta kellhom trippla oħra minn Patus u l-punti ta’ Said u Naudi. Il-punti komplew ġejjin fuq kull naħa fejn għal Luxol Rutledge baqa’ l-protagonist flimkien ma’ Capello u CJ Cordina. Athleta għalqu bil-punti taż-żagħżugħ Miguel Gauchi Montaldo u Roderick Vella biex rebħu l-partita 77-54.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 14, R. Vella 5, C. Patus 30, A. Aquilina 12, M. G. Montaldo 2, O. Said 14, M. Gouder, I. Tanti.

Bupa Luxol: CJ Cordina 1, A. Portelli 2, J. Willoughby, A. Borg, JP Schembri 2, N. Andrejevic, O. Rutledge 29, A. Micallef Trigona 6, JP Bonnici 8, S. Capello 6.

Referees: Emanuel Mangani, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Cynergi Virtus 81

Floriana Cafè Del Mar 69
(23-20)(21-20)(23-12)(14-17)

F’partita milgħuba quddiem pubbliku ferm numeruż, Cynergi Virtus għelbu lil Floriana Cafè Del Mar 81-69 biex għaddew għall-finali kontra Athleta tal-Ħadd 23 ta’ Novembru. Virtus kellhom bidla fil-player barrani hekk kif Nathan Walkup għandu injury pjuttost twila u b’hekk irreġistraw lil Evan Bruinsma. Floriana għad jonqoshom l-aqwa Nick Oudendag biex ikunu sfidanti vera għar-rebħ tal-unuri hekk kif il-player internazzjonali Olandiż għadu mhux juri l-aqwa tiegħu speċjalment fl-attakk u mill-freethrow line. Virtus bdew tajjeb bil-punti ta’ Bruinsma, David Bugeja u Anton Axiaq u fir-raba’ minuta kienu 10-3 minn fuq. Ir-risposta ta’ Floriana ġiet minn Marco Mercieca li kellhu wkoll trippla biex ġabu l-iskor indaqs 10-10. Bruinsma reġa’ poġġa lil Virtus minn fuq u hekk kif Floriana tilfu sensiela ta’ free-throws, Virtus saħħew il-vantaġġ bil-punti ta’ Robert Bonnici bi trippla. Qabel intemmet it-taqsima Floriana kellhom il-punti ta’ Nikola Vasovic biex Virtus għalqu l-perjodu 3 minn fuq 23-20. Virtus ħadu l-ewwel vantaġġ sostanzjali fit-tieni taqsima meta għamlu run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Bruinsma u marru 10 minn fuq 32-22. Floriana rkupraw minn dan il-mument diffiċli bil-punti ta’ Clayton Calleja u Lee Ross u reġgħu naqqsu d-distakk għal basket wieħed 32-34. Peter Shoults għamel trippla għal Virtus biex waqqfilhom din ir-run però Oudendag irrisponda għal Floriana biex fl-intervall Virtus kienu 4 minn fuq 44-40.

Fit-tielet perjodu Virtus ħarġu aktar agressivi u ħasdu lil Floriana b’run ta’ 16-4 b’aktar punti minn Bugeja, Shoults, Axiaq u Bruinsma. Fis-seba’ minuta Virtus kienu 15 –il punt minn fuq 59-44. Finalment Floriana setgħu jirrispondu bi tlett baskets minn Oudendag u Mercieca però Virtus kellhom break ieħor ta’ 8-2 bi trippla oħra ta’ Shoults għal skor ta’ 67-52. Floriana fetħu l-aħħar taqsima bil-punti ta’ David Agius u Oudendag. Virtus kellhom il-punti minn Bruinsma flimkien ma’ Bonnici u Shawn Pace. Floriana wkoll kellhom tlett baskets konsekuttivi però kienu għadhom 12 minn taħt 73-61. Virtus reġgħu wieġbu minn Bruinsma qabel ma Floriana kellhom tlett baskets konsekuttivi minn Dirk Schembri. L-aħħar punti tal-partita kien hemm il-punti ta’ Bruinsma li b’hekk temm id-debutt tiegħhu b’mod mill-aqwa fil-waqt li Virtus iċċellebraw mal-partitarji tagħhom il-kisba tal-post fil-finali.

Cynergi Virtus: S. Pace 5, D. Bugeja 10, R. Bonnici 11, C. Doublet, A. Schembri, E. Bruinsma 38, A. Felice Pace, A. Axiaq 7, I. Buldakov, G. Coleiro, P. Shoults 10, F. Bartolo.

Floriana Cafe Del Mar: N. Oudendag 19, M. Mercieca 15, L. Ross 13, N. Sultana 5, S. Borg, N. Vasovic 5, C. Calleja 2, D. Schembri 7, S. Detemermann, O. Shamala, D. Agius 3.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Emanuel Mangani.





Leave a comment