- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Finali bejn A to Z Electronics Athleta u Floriana Royce

Posted By sportinmalta1 On November 4, 2013 @ 7:08 pm In Basketball,Featured | 1 Comment

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD IRĠIEL

minn Colin Schembri

Se jkunu A to Z Electronics Athleta u Floriana Royce li se jikkontendu t-tielet unur tal-istaġun – is-Saint James Hospital Shield wara  li rebħu s-semifinali rispettivi tagħhom. B’hekk wara l-finali tas-Super Cup, din se tkun it-tieni finali tal-istaġun bejn dawn iż-żewġ timijiet. Intant, il-ġimgħa d-dieħla jibda l-kampjonat BOV.

A to Z Electronics Athleta 80

Bupa Luxol 51

(20-10)(13-8)(24-13)(23-22)

A to Z Electronics Athleta saru l-ewwel finalisti tas-St. James Hospital Shield, unur li rebħu għal dawn l-aħħar tlett staġuni konsekuttivi. Huma għelbu lil Bupa Luxol li wara li kellhom wirja tajba ħafna kontra Floriana ġimgħa ilhu, ma rnexxielhomx jirrepetu din il-wirja. Athleta bdew bi trippla ta’ Steve Schembri wara 11 –il sekonda u Luxol wieġbu bil-punti ta’ Marco Mercieca u Nikola Vasovic. Athleta kellhom run ta’ 8-2 bi trippla ta’ Omar Said u baskets ta’ Michael Naudi u Chad Patus b’Mercieca jagħmel żewġ baskets għal-Luxol biex naqqsilhom id-distakk għal tlett punti 10-13. Fl-aħħar minuta u nofs, Athleta għamlu break ieħor ta’ 7-0 bi trippla ta’ Patus għal skor ta’ 20-10. Fit-tieni taqsima l-punti naqsu speċjalment fl-ewwel ħames minuti. Athleta kellhom lil Naudi jżidilhom il-punteġġ fil-waqt li għal-Luxol kien hemm il-baskets ta’ CJ Cordina u l-Amerikan Michael Myres Keitt li però kien imrażżan tajjeb mid-difiża tal-Athleta. Mis-sitt minuta ‘l quddiem kien hemm biss punti tal-Athleta b’run ta’ 8-0 mibdija bi trippla oħra ta’ Patus u ħames punti ta’ Naudi biex fl-intervall huma kienu 33-18 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, Luxol bdew b’basket ta’ Keitt iżda Athleta kellhom tlett baskets konsekuttivi. Keitt għamel trippla qabel ma Schembri għamel tlett baskets oħra favur Athleta għal skor ta’ 45-23 sa’ nofs is-sessjoni. Hawn bdew ġejjin ukoll il-punti ta’ Said flimkien ma’ Patus u Naudi b’Adrian Micallef jirrispondi għal-Luxol għal skor ta’ 57-31. Fl-aħħar sessjoni kien hemm iktar punti minn Said fl-ewwel żewġ minuti. Myres Keitt finalment beda jsib l-ispazju u flimkien ma’ Nikola Vasovic għamlu erba’ three pointers. Athleta kellhom iżjed punti minn Naudi u Benoit Bartolo qabel ma Keitt għalaq il-partita ta’ Luxol però kienu Athleta li rebħu l-partita 80-51.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 26, H. Soufian, D. Bugeja 2, C. Patus 12, M. Giusti, W. Spiteri, O. Said 21, S. Pace 2, B. Bartolo 2, D. Ross 2, S. Schembri 13.

Bupa Luxol: C.J. Cordina 4,  M. Mercieca 8, A. Micallef 4, A. Micallef Trigona, C. Cassar ,J.P. Schembri, N. Vasovic 8, T. Paris, M. Myres Keitt 27, J. Willoughby, J.P. Bonnici, S. Capello.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef, Clive Terribile

Floriana Royce 79

Starlites 58
(18-15)(27-12)(15-16)(19-15)

Ic-champions Floriana Royce saru t-tieni finalisti tas-St. James Hospital Shield b’rebħa fuq Starlites 79-58. Starlites kellhom lil Graham Coleiro u Jeremy Curmi għall-ewwel darba fl-iskwadra tagħhom fil-waqt li rritorna wkoll Gabor Szokreny fil-waqt li Floriana żiedu lil Steven Dofai Salam. Għal Floriana reġa’ kien hemm wirja tajba minn Derek Elston li ma kull partita li tagħddi jkompli juri l-klassi tiegħu. Flimkien miegħu kien hemm ukoll players bħal Dirk Schembri u Peter Shoults b’dan tal-aħħar minkejja li ma kellux ammont kbir ta’ punti seraq diversi blalen u tema wkoll diversi assists. Starlites żammew il-pass mal-avversarji sal-bidu tat-tieni sessjoni fejn saħansitra marru minn fuq. Kienu Floriana li ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’ Elston, Sean Borg u trippla minn David Camilleri. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Robert Loporto flimkien ma’ Marco Todorovic biex id-distakk baqa’ minimu u l-ewwel sessjoni ntemmet bi Floriana minn fuq 18-15. Fil-bidu tat-tieni sessjoni Starlites għamlu seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Saviour Bonnici biex marru erbgħa minn fuq 22-18. Ir-risposta tac-champions ma tantx damet biex waslet għaliex huma għamlu run ta’ 13-0 bil-punti kollha jaslu minn Elston u Schembri biex fis-sitt minuta kienu 31-22 minn fuq. Starlites waqqfulhom din ir-run b’basket ta’ Loporto u trippla ta’ Bonnici però Floriana baqgħu sejrin u fl-aħħar żewġ minuti għamlu 11 –il punt ieħor biex daħlu jistrieħu 45-27 minn fuq.

Wara l-intervall il-partita kienet aktar bilanċjata fejn Floriana bdew b’basket ta’ Sean Borg u trippla ta’ Camilleri. Wara basket ta’ Elston, Starlites għaqqdu run oħra ta’ 10-0 bi three pointer ta’ Robert Bonnici u seba’ punti minn Todorovic. Floriana għalqu s-sessjoni b’baskets ta’ Schembri u Elston biex kellhom vantaġġ ta’ 17 –il punt. Fl-aħħar perjodu Floriana żiedu l-vantaġġ għal 20 punt wara trippla ta’ Elston u huma komplew bi break qasir ta’ 6-0 qabel ma’ Saviour Bonnici wieġeb bi trippa għal Starlites flimkien ma’ basket ta’ Todorovic. Il-partita ntemmet b’basket fuq kull naħa minn Sean Borg u Anthony Schembri biex Floriana ħarġu rebbieħa 79-58.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 33, D. Camilleri 10, P. Shoults 8, S. Borg 6, C. Calleja 1, D. Schembri 17, S. Dofai Salam 2, S. Saakian 2, D. Agius .

Starlites: M. Todorovic 20, R. Loporto 11, R. Bonnici 10, D. Massa, S. Bonnici 13, J. Curmi, G. Coleiro, M. Vassallo, G. Szokreny, B. Soler 2, A. Cutajar, A. Schembri 2.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Steve Gouder.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/finali-bejn-a-to-z-electronics-athleta-u-floriana-royce/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.