Filipov jispikka f’rebħa Marsija

Friday, November 22, 2019, 10:58

Il-midfielder offensiv Nikolay Filipov kien l-eroj tal-ġurnata meta bit-tliet gowls li skorja għen lit-tim tiegħu Marsa St Michael jikseb l-ewwel post tal-klassifika b’rebħa tajba kontra Versity AFC.

Anke Qormi Hotspurs ibbrillaw f’din ir-raba’ ġurnata tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta kontra kull mistenni ħasdu lil Senglea Gunners u rebħulhom 3-1.

Mill-banda l-oħra iż-żewġ timijiet promossi Żurrieq Sunrise u Balzan Youths AFC spiċċaw fi dro ġust ta’ 1-1.

Kellna wkoll programm ta’ logħob mill-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni fejn San Ġiljan Saints rebħu l-konfront dirett kontra Tarxien AFC sabiex issa fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fil-klassifika.

Fl-istess waqt, Valletta Stars reġgħu rritornaw għar-rebħ b’suċċess fuq Mosta Vikings filwaqt li Fgura Spartans u Naxxar Victorians temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro ta’ mingħajr gowls.

Dawn ir-riżultati jkomplu juru l-bilanċ li jeżisti partikolarment fl-Ewwel Diviżjoni fejn kull tim kapaċi jagħti logħba.

Kif għedna, Marsa St Michael qabżu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni b’rebħa tajba ta’ 4-2 fuq iċ-champions Versity AFC. Dawn tal-aħħar qed ikomplu jiddiżappuntaw u tista’ tgħid li jinsabu fi kriżi profonda ta’ riżultati. Huma jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika u tilfu l-erba’ konfronti li lagħbu.

Protagonista prinċipali ta’ din il-logħba kien il-plejer ta’ nofs il-grawnd Bulgaru Nikolai Filipov fejn filwaqt li kien surmast f’dan id-dipartiment, sab il-ħin jiskorja hat-trick sabiex xpruna lit-tim tiegħu għat-tieni rebħa staġjonali.

Marsa marru minn fuq wara 10 minuti logħob meta wara kross mix-xellug kien Nikolay Filipov li bir-ras għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Versity AFC kellhom reazzjoni tajba u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Kane Micallef li sab ix-xibka mill-viċin.

Minkejja kollox, Marsa St Michael baqgħu jattakkaw u bdew jesponu lid-difiża avversarja kull darba li jtellgħu l-ballun. U hawn reġa’ daħal fix-xena Nikolay Filipov li f’temp ta’ erba’ minuti skorja żewġ gowls oħra sabiex għamel l-iskor finali ta’  3-1.

Fil-65 minuta, Marsa St Michael ingħataw penalty li ġie skorja minn Ricardo Severino li bil-gowl li skorja jinsab fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers.

Versity naqqsu l-marġni tal-iskor permezz tas-sostitut Soulio Fofana.

Referì kien Paul Apap.

Qormi Hotspurs qabżu fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 3-1. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-tim immexxi minn Wayne Zerafa li wara bidu mhux daqstant tajjeb, kiseb żewġ suċċessi li tellgħuh aktar ‘il fuq fil-klassifika.

Min-naħa l-oħra t-tim mill-Kottonera kellu diversi plejers neqsin u dan il-fattur kien determinanti għar-riżultat finali.

Qormi marru fil-vantaġġ minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Andy Camilleri.

Fit-tieni taqsima, Senglea Gunners ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda ż-żgħażagħ Qriema kellhom ideat oħra tant li skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Yosef Bonnici li b’hekk qabeż fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers b’erba’ gowls flimkien ma’ Ricardo Severino.

L-aħħar minuti kienu assedju ta’ Senglea Gunners li ppruvaw inaqqsu l-marġni tal-iskor u rnexxielhom jagħmlu dan fit-62 minuta permezz ta’ Anthony Spiteri li b’xutt fil-baxx ħasad lil Dwayne Camilleri għal skor finali ta’ 3-1.

Referì kien Thomas Debono.

Żurrieq Sunrise u Balzan Youths AFC spiċċaw fi dro ta’ 1-1 f’logħba li kienet waħda ferm bilanċjata kif jindika r-riżultat. Iż-żewġ timijiet ma qagħdux lura milli jattakkaw sabiex b’hekk kellna konfront ferm kumbattut.

Wara skor ta’ 0-0 fl-ewwel 35 minuta, fit-tieni taqsima kienu Balzan li marru minn fuq fis-37 minuta permezz tal-iskorer prolifiku tagħhom Shaun Matintela.

Is-Sunrise baqgħu jemmnu u rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs mas-siegħa logħob permezz ta’ Antoine Barbara.

L-iskor baqa’ ma nbidilx sat-tmiem sabiex iż-żewġ naħat ħadu punt kull wieħed.

Referì kien Jean Pierre Sammut.

Fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni li ntlagħab fil-grawnd taż-Żurrieq, spikka l-konfront dirett tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika bejn San Ġiljan Saints u Tarxien AFC. Kienu s-Saints li rebħu dan il-konfront bl-iskor ta’ 3-0 sabiex filwaqt li taw l-ewwel telfa lit-Tarxiniżi, komplew jikkonfermaw li għandhom ikunu wieħed mit-timiiet favoriti għall-promozzjoni.

Sa qabel dan il-konfront iż-żewġ timijiet kienu rebħu l-logħbiet tagħhom. Protagonista għall-Ġiljaniżi kien l-attakkant Mark Felix li skorja doppjetta u kien strumentali fir-rebħa finali għat-tim tiegħu.

It-tim immexxi minn Iain McLeod ħarġu tajjeb u marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta permezz ta’ Ray Forbes sabiex disa’ minuti wara Mark Felix irdoppja l-iskor.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, San Ġiljan reġgħu ħarġu tajjeb u skorjaw it-tielet gowl meta wara azzjoni tajba ta’ kontrattakk, il-ballun wasal għand Mark Felix li b’xutt fil-baxx għeleb lill-keeper avversarju.

Tarxien ittantaw reazzjoni iżda żbaljaw wisq quddiem il-lasti avversarji sabiex kellhom ibaxxu rashom għall-ewwel telfa staġjonali.

Referì kien Alex Grech.

Valletta Stars reġgħu rritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi meta għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 4-2.

Il-logħba ġiet deċiża fit-tieni taqsima meta l-Beltin żiedu l-isforzi tagħhom sabiex kisbu tliet punti prezzjużi.

Kienu Mosta Vikings li marru fil-vantaġġ wara għaxar minuti logħob permezz ta’ Mario Agius sabiex Luke Bonello ġab l-iskor indaqs għall-Istilel Beltin.

Fit-tieni taqsima, Valletta Stars ħarġu tajjeb u skorjaw tliet darbiet oħra permezz ta’ Nunzio di Mauro u doppjetta ta’ Isaac Bonello b’Ian Xuereb inaqqas il-marġni tal-iskor għall-Mostin għal skor finali ta’ 4-2.

Referì kien Mario Apap.

Finalment Fgura Spartans u Naxxar Victorians spiċċaw fi dro ta’ 0-0. Kienet logħba fejn id-difiżi rispettivi ddominaw fuq l-attakkanti avversarji. Dan kien it-tieni dro konsekuttiv għal Fgurin li b’hekk għandhom żewġ punti fil-klassifika filwaqt li Naxxar kisbu r-raba’ punt tagħhom wara r-rebħa li kisbu l-ġimgħa l-oħra kontra Valletta Stars.

Referì kien Lorry Sammut.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Marsa St Michael 7, Qormi Hotspurs 6, Żurrieq Sunrise 5, Senglea Gunners, Valletta St Pauls, Balzan Youths AFC 4, Versity AFC 0

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI:

San Ġiljan Saints 12, Tarxien AFC, Valletta Stars 6, Balluta Barracudas, Naxxar Victorians 4, Fgura Spartans 2, Mosta Vikings 0





Leave a comment