Fethu l-applikazzjonijiet ghal Summer on the move

Wednesday, June 12, 2013, 10:34

Illum fetħu l-applikazzjonijiet għall-programm tal-Kunsill Malti għall-Isport Summer on the Move li hu programm għal kulħadd u adattat għal kull età. Dan il-programm jinkludi 35 dixxiplina sportiva, b’involviment ta’ madwar 180 kowċ b’madwar 3000 parteċipant.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Pixxina Nazzjonali, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Stefan Buontempo qal li l-Gvern irid li t-tfal kif ukoll l-adulti u l-anzjani jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fid-dixxiplina favorita tagħhom. Huwa qal li permezz ta’ dan il-programm il-Kunsill Malti għall-Isport qed joffri l-opportunità ta’ għażla sħiħa f’dixxiplini sportivi differenti.

Huwa żied jgħid li għall-ewwel darba se jkun hemm sessjonijiet addattati għall-anzjani  u anke l-applikazzjonijiet jistgħu jsiru online permezz ta’ app ġdida.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo ħeġġeġ lil kulħadd, speċjalment l-anzjani biex jieħdu sehem f’dawn il-programmi ħalli jkollna soċjetà dejjem aktar b’saħħitha u attiva.

Min-naħa tiegħu ic-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport s-Sur Jonathan Barbara qal li għall-anzjani se jkun hemm sessjonijiet ta’ aqua fitness u tai chi u fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop se jkun hemm għall-ewwel darba Triathlon għat-tfal ta’ bejn id-9 u s-16-il sena. S-Sur Barbara żied jgħid li fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop se jkun hemm aktar dixxiplini bħal baseball u filwaqt li fil-Mosta minn tlett ijiem is-sessjonijiet ser jibdew isiru kuljum.





Leave a comment