Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs) rebaħ il-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Marzu

Wednesday, April 17, 2019, 10:47

Il-Captain ta’ Victoria Hotspurs Ferdinando Apap huwa l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Marzu 2019.

Matul ix-xahar ta’ Marzu, id-difensur ċentrali kien kruċjali biex Spurs żammew il-pożizzjoni tagħhom fuq nett fil-Kampjonat BOV tal-Futbol f’Għawdex, meta kisbu l-punti massimi fl-4 partiti tagħhom matul Marzu 2019.

Victoria temmew it-tieni rawnd tal-kampjonat b’żewġ rebħiet, waħda fuq Munxar (2-0) u l-oħra fuq Għajnsielem (5-1). Fl-ewwel partita tat-tielet rawnd Victoria għelbu lil Munxar 8-0 b’Ferdinando jiftaħ l-iskor għat-tim tiegħu minkejja l-pożizzjoni tiegħu fid-difiża; dan kien segwit bir-rebħa tagħhom ta’ 2-1 fuq Kerċem fejn matul il-partita Apap tellef diversi attakki tal-Ajax.

Apap, ta’ 27 sena, għandu ħila kbira biex jikkoordina d-difiża ta’ Spurs u dan deher biċ-ċar matul Marzu meta Victoria kienu qed jilagħbu bit-tieni gowler tagħhom minħabba li weġġa’ l-ewwel gowler tagħhom. Il-versatilità tiegħu tagħmlu wkoll b’saħħtu ferm fl-attakk, b’mod speċjali f’set-pieces fejn l-istatura tiegħu u l-kapaċitajiet vertikali tiegħu huma definittivament ta’ siwi kbir.

Apap huwa l-ewwel plejer Għawdxi li lagħab mat-Tim Nazzjonali Malti fl-2018 f’partita tal-UEFA Nations League u għamel żmien qasir jilgħab ukoll fl-Ingilterra.

Horace Laudi, Uffiċjal Kap fil-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Marzu 2019 lil Apap li għażel lil Dar Bjorn biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.





Leave a comment