Ferdinando Apap ta’ Victoria Hotspurs jirbaħ l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Ottubru

Wednesday, November 29, 2017, 12:24

Id-difensur ċentrali ta’ Victoria Hotspurs Ferdinando Apap huwa l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Ottubru 2017.

Il-captain ta’ Spurs Apap jirnexxielu jipprevedi l-azzjonijiet tal-avversarji tiegħu waqt il-partita b’mod eċċellenti u, minbarra li għandu saħħa fiżika li tegħleb kull avversarju, juri teknika kbira biex iwaqqaf lill-avversarji tiegħu milli javvanzaw fil-grawnd. Il-kontribut tiegħu matul Ottubru kien essenzjali biex Victoria żammew posthom fil-quċċata fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-BOV GFA u se jkunu qed jiġġieldu bis-serjetà għall-ogħla unur fil-futbol f’Għawdex.

Fl-età ta’ 25 sena, Apap beda l-karriera tiegħu ma’ Għajnsielem u anke lagħab ma’ Mosta FC. Reċentement huwa rebaħ il-Kampjonat Għawdxi bħala plejer ta’ Xewkija Tigers u ta’ Għajnsielem. Huwa ffirma ma’ Victoria Hotspurs f’dan l-istaġun, hekk kif it-tim qed ifittex li jirbaħ it-12-il titlu tiegħu fl-istorja tal-Klabb wara nuqqas ta’ seba’ snin mingħajr ir-rebħ ta’ dan it-titlu.

Horace Laudi, il-Maniġer Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar lil Ferdinando waqt sessjoni tat-taħriġ ta’ Victoria Hotspurs fil-preżenza tal-kowċ prinċipali Gotthard Conti u tal-plejers l-oħra tat-tim. Apap għażel lill-Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.





Leave a comment