Farrugia jsejjaħ l-iskwadra proviżorja

Wednesday, May 9, 2018, 17:47

Il-kowċ nazzjonali Ray Farrugia sejjaħ l-ewwel skwadra tiegħu – lista proviżorja ta’ 26 player għal training camp li se jsir fil-ġimgħat li ġejjin.

L-iskwadra tinkludi players ta’ esperjenza u żgħażagħ hekk kif Farrugia, li nħatar kowċ nazzjonali l-ġimgħa li għaddiet, sejjaħ ukoll erba’ players mill-iskwadra ta’ taħt il-21 sena.

Dawn huma l-midfielder ta’ Hibernians Joseph Mbong, dak ta’ Birkirkara Jake Grech,u l-attakkant ta’ Valletta Kyrian Nwoko, li kollha għandom 20 sena, kif ukoll Myles Beerman li jilgħab fl-Iskozja ma’ Glasgow Rangers.

Beerman, li għandu 19-il sena, kien parti mill-iskwadra nazzjonali għal-logħbiet ta’ ħbiberija li Malta lagħbet kontra l-Lussemburgu (0-1) u l-Finlandja (0-5) f’Marzu li għadda.

Ritorn fl-iskwadra wkoll għall-midfielder ta’ esperjenza Andrew Cohen wara staġun ferm pożittiv ma’ Gżira United. Hu jingħaqad ma’ Roderick Briffa, player ieħor ta’ Gżira United.

Farrugia inkluda wkoll lid-duo ta’ Hibernians,  Johann Bezzina u Bjorn Kristensen, u d-difensur laterali ta’ Floriana Jurgen Pisani.

Farrugia u l-assistent tiegħu Branko Nisevic se jkunu qed inaqqsu l-iskwadra għal 23 player għat-training camp u partiti ta’ ħbiberija li Malta se tilgħab fl-Awstrija bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju.

Erba’ players li jilagħbu barra l-pajjiż – Zach Muscat, id-difensur ta’ Arezzo, Luke Gambin, li jilgħab ma’ Luton Town, Andrè Schembri, li jilgħab f’Ċipru ma’ Apollon Limassol, kif ukoll l-attakkant tal-klabb Żvizzeru FC Chiasso Jean Paul Farrugia, mistennija jingħaqdu mal-iskwadra fit-tieni ġimgħa ta’ taħriġ.

It-training camp huwa parti mill-preparamenti tat-team nazzjonali għall-UEFA Nations League li jibda f’Settembru.

Malta se tkun qed tilgħab fi Grupp D3 flimkien mal-Ażerbajġan, il-Gżejjer Faroe u l-Kosovo.

SKWADRA PROVIŻORJA

Goalkeepers: Henry Bonello (Valletta); Andrew Hogg (Hibernians); Steve Sultana (Ħamrun Spartans).

Difensuri: Andrei Agius (Hibernians); Cain Attard (Birkirkara); Steve Borg (Valletta); Ryan Camilleri (Valletta); Michael Johnson (Balzan); Zach Muscat (US Arezzo, Italja); Jurgen Pisani (Floriana); Joseph Zerafa (Valletta).

Midfielders: Myles Beerman (Glasgow Rangers, Skozja); Johann Bezzina (Hibernians); Roderick Briffa (Gżira United); Paul Fenech (Balzan); Luke Gambin (Luton Town, Ingilterra); Bjorn Kristensen (Hibernians); Joseph Mbong (Hibernians), Stephen Pisani (Floriana).

Attakkanti: Andrew Cohen (Gżira United); Alfred Effiong (Balzan); Jean Paul Farrugia (FC Chiasso, Żvizzera); Jake Grech (Birkirkara); Michael Mifsud (Valletta); Kyrian Nwoko (Valletta); Andrè Schembri (Apollon Limassol, Ċipru).





Leave a comment