- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Falken Cynergi Virtus jagħmluhom tlieta minn tlieta

Posted By sportinmalta1 On November 8, 2015 @ 11:35 pm In Basketball,Featured | No Comments

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Floriana Cafè Del Mar 62

Falken Cynergi Virtus 71

(15-10)(22-17)(9-15)(16-29)

Falken Cynergi Virtus rebħu t-tielet unur tagħhom dan l-istaġun meta quddiem l-akbar folla tal-istaġun s’issa għelbu lil Floriana Cafè Del Mar fil-finali tas-St. James Hospital Shield 71-62. Iż-żewġ timijiet kienu bl-aqwa formazzjoni possibli hekk kif ic-champions irkupraw ukoll lil David Bugeja li weġġa’ fl-aħħar partita u kien dubjuż. Virtus kellhom jistennew sas-sitt minuta tal-aħħar sessjoni biex imorru fuq quddiem però meta ħadu l-vantaġġ żammewh sat-tmiem. Kienu Floriana li ħadu l-ewwel vantaġġ meta fetħu bi three pointer ta’ Lee Ross u baskets minn Chad Patus u Anton Axiaq għal skor ta’ 7-0. L-ewwel punti ta’ Virtus waslu fis-sitt minuta minn basket ta’ Jacob Formosa b’Axiaq iwieġeb għal Floriana. Virtus komplew bil-punti ta’ Chris Santo u trippla ta’ Formosa però Floriana temmew it-taqsima 15-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Floriana żiedu l-vantaġġ wara trippla ta’ Patus b’Virtus jibqgħu viċin hekk kif wieġbu b’basket ta’ Santo u trippla ta’ Peter Shoults.  Il-punti komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat bil-Virtus jaslu sa basket ‘l bogħod wara trippla ta’ David Camilleri. Floriana għalqu t-taqsima bi break ta’ 8-2 kollha minn Patus b’żewġ trippli għal skor ta’ 37-27.

Il-punti ġew bil-mod fl-ewwel minuti tat-tielet sessjoni u wara erba’ minuti logħob Floriana  kabbru l-vantaġġ b’punt wara trippla oħra ta’ Patus. Sad-disa’ minuta Floriana komplew iżidu l-vantaġġ wara l-punti ta’ Ross u Patus 46-33. Dan l-iżvantaġġ, qajjem lic-champions li f’temp ta’ minuta u nofs għamlu run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Formosa u basket ta’ Bugeja biex naqqsu d-distakk għal erba’ punti 42-46. Il-mument tajjeb tac-champions kompla fir-raba’ taqsima u rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs bi trippla oħra ta’ Shoults. Għal darbtejn, Floriana ħadu vantaġġ ta’ żewġ punti bil-Virtus jippareġjaw. Fis-sitt minuta, Robert Bonnici poġġa lil Virtus fuq quddiem u huma komplew b’run ta’ 8-0 bi three pointers minn Shawn Pace u Formosa. Floriana wieġbu b’basket ta’ Ross u trippla ta’ Patus biex naqqsu d-distakk għal 4 punti. Virtus wieġbu bil-punti ta’ Formosa u Pace u kkonsolidaw ir-riżultat bi trippla ta’ Camilleri fl-aħħar minuta. Ic-champions għalqu l-partita bil-freethrows ta’ Santo biex rebħu l-partita u t-tielet tazza tal-istaġun. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA ppreżenta t-trofew lil David Bugeja fost il-ferħ tal-players u l-partitarji.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 32, D. Borg, L. Ross 9, N. Sultana 3, S. Borg 3, A. Portelli, N. Vasovic, C. Calleja, A. Axiaq 11, A. Micallef Trigona 4, O. Shamala, N. Andrejevic.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace 5, D. Bugeja 8, R. Bonnici 2, D. Camilleri 8, J. Formosa 21, S. Bonnici, A. Felice Pace, C. Santo 19, A. Schembri, F. Bartolo, P. Shoults 8, T. Grech.

Referees: Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/falken-cynergi-virtus-jaghmluhom-tlieta-minn-tlieta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.