Falken Cynergi Virtus bit-tieni suċċess tal-istaġun

Monday, October 5, 2015, 0:12

Għaqda Ġurnalisti Sport Super Cup – FINALI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 55

Falken Cynergi Virtus 63

(19-9)(14-16)(13-19)(9-19)

Falken Cynergi Virtus kisbu t-tieni unur tagħhom tal-istaġun meta fil-finali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Super Cup għelbu lil Gżira Athleta 63-55. Huma waqqfu s-sensiela ta’ rebħ minn Athleta f’din il-kompetizzjoni u rebħu dan l-unur għall-ewwel darba wara r-rebħ tal-ewwel kampjonat fl-istaġun li għadda. Rebħa li tikber fil-mertu tagħha meta jitqiesu l-fatturi kollha li Virtus affaċjaw qabel il-partita. Huma kellhom jilgħabu mingħajr il-barranin tagħhom minħabba xi problemi ta’ reġistrazzjoni u Paul Ferrante kellhu l-kuraġġ li jħalli fuq il-court żgħażagħ li pattew il-fiduċja tiegħu b’wirja posittiva. Id-debutt ta’ David Camilleri wkoll kien kruċjali għal din ir-rebħa flimkien mas-soliti Peter Shoults, David Bugeja, Robert Bonnici u Shawn Pace. Minn naħa tagħhom l-Athleta reġgħu ppreżentaw is-senaturi tagħhom Michael Naudi, Roderick Vella u Omar Said b’dan tal-aħħar jirritorna minkejja x-xewqa tiegħhu li jirtira mil-logħba. Athleta kellhom bidu tajjeb hekk kif bdew bil-punti ta’ Nicolai Lubrano u three pointers minn Roderick Vella biex marru 10-4 minn fuq. Għal Virtus il-punti ġew biss minn Bugeja fil-waqt li Athleta żiedu l-vantaġġ b’baskets ta’ Adrian Micallef u l-Amerikan Markus Montague. Athleta komplew fit-tieni sessjoni meta bdew bi tlett baskets konsekuttivi u fit-tielet minuta kienu 25-9 minn fuq. Ir-risposta ta’ Virtus ġiet minn tlett three pointers ta’ Bugeja u Pace biex naqqsu d-distakk. Wara baskets ta’ Naudi u Montague, Virtus kellhom trippla oħra minn Bonnici biex fl-intervall id-distakk niżel għal 8 punti bl-Athleta minn fuq 33-25.

Fit-tielet perjodu l-logħob kien aktar maqsum però Athleta baqgħu minn fuq meta kellhom il-punti ta’ Micallef u Naudi. Virtus wieġbu permezz ta’ Bonnici u Bugeja però l-free-throws ta’ Naudi u Montague ħallew lill-Athleta fuq quddiem minkejja l-baskets ta’ Camilleri, Bugeja u Alec Felice Pace għal Virtus. L-aħħar taqsima bdiet bl-Athleta basket minn fuq 46-44 però hawn wasal mument stupend minn Virtus bi break ta’ 13-2 bi tlett three pointers oħra, 2 ta’ Camilleri u ieħor ta’ Bugeja biex marru minn fuq 57-50. Athleta nħasdu u minkejja t-time-outs ta Joe Galea, huma rnexxielhom jagħmlu 3 free-throws fl-aħħar minuta. Fi tmiem il-partita, is-Sur Mario Bonnici Viċi President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport ippreżenta t-trofew lil Peter Shoults captain ta’ Virtus.

Gżira Athleta: M. Naudi 18, R. Vella 8, J. Wait, M. Montague 8, L. Stefanovic, I. Buldakov, O. Said 3, A. Micallef 13, B. Zammit, S. Vincic, N. Lubrano 5, M. G. Montaldo.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace 6, D. Bugeja 30, R. Bonnici 7, D. Camilleri 13, S. Bonnici, M. Falzon, A. Felice Pace 2, A, Schembri,  F. Bartolo 2, P. Shoults 3, T. Grech.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.

Ritratti: Andrew Large – MPC Photography: https://www.facebook.com/MPC-Photography-1514051275539716/timeline/





Leave a comment