Falken Cynergi Virtus b’id waħda fuq it-tazza

Sunday, February 7, 2016, 23:25

TAZZA LOUIS BORG – IRĠIEL – FINALI LEG 1

minn Colin Schembri

Falken Cynergi Virtus 97

Floriana Cafè Del Mar 59

(25-14)(24-16)(21-11)(27-18)

 

Ic-champions Falken Cynergi Virtus kellhom wirja mill-aqwa fl-ewwel leg tal-finali tat-tazza Louis Borg meta għelbu lil Floriana Cafè Del Mar 97-59. Huma kienu organizzati ħafna fid-difiża fejn Floriana sabu diffikulta kbira biex jagħmlu l-punti u ħafna drabi rrikorrew għal-logħob individwali. Ankè fl-attakk it-team imexxi minn Paul Ferrante kellhu ġurnata posittiva mmexxija bħas-soltu mill-Amerikan Chris Santo li flimkien ma’ sħabu kienu ta’ xewka kontinwa għad-difiża Furjaniża li xejn ma kienet effettiva. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom fejn Floriana rkupraw lil Nikola Vasovic wara li skonta sospensjoni twila ta’ ħames partiti. Ironikament, kienu Floriana li ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Chad Patus, Sean Borg u Anton Axiaq. Virtus irkupraw u għamlu run ta’ 14-0 li bdewha bi trippla ta’ Peter Shoults flimkien ma’ Santo u Robert Bonnici li wkoll kellhu trippla. Floriana waqqfuhom bi three pointer ta’ Nigel Sultana però David Camilleri wkoll wieġeb bi trippla għal Virtus li għalqu l-ewwel sessjoni 25-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Virtus kabbru d-distakk bil-punti ta’ Bonnici u Shoults. Għal Floriana l-punti waslu primarjament minn Patus iżda Virtus komplew bil-punti tagħhom speċjament bi three pointers ta’ Bonnici, Shoults u Jacob Formosa biex daħlu jistrieħu 49-30 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Floriana ma tawx ħjiel li se jirkupraw hekk kif ic-champions komplew jagħfsu b’aktar punti minn Formosa u Shoults. Wara trippla ta’ Patus għal Floriana, Virtus kellhom run oħra ta’ 12-0 bil-punti ta’ Santo, Camilleri u trippla ta’ David Bugeja biex żiedu l-vantaġġ 70-41. Fl-aħħar taqsima, Patus flimkien ma’ Sean Borg naqqsu xi ftit id-distakk għal Floriana qabel ma Camilleri kiseb trippla oħra għal Virtus. Ic-champions komplew iżidu s-superjorita tagħhom meta għamlu run oħra ta’ 10-0. Floriana setgħu biss iwieġbu permezz ta’ Patus iżda Virtus kienu fil-kontroll tal-partita biex ħarġu rebbieħa 97-59. B’hekk huma se jibdew it-tieni leg tlett’ijiem oħra b’vantaġġ ta’ 38 punt u trid tkun xi ħaġa verament kbira biex jitilfu l-ewwel suċċess tagħhom fit-tazza Louis Borg.

 Falken Cynergi Virtus: S. Pace 3, D. Bugeja 14, R. Bonnici 10, D. Camilleri 13, S. Bonnici, J. Formosa 19, A. Felice Pace, C. Santo 28, L. Sobers, F. Bartolo, P. Shoults 10, T. Grech.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 34, D. Borg, L. Ross, N. Sultana 11, S. Borg 8, A. Portelli, N. Vasovic 4, C. Calleja, A. Axiaq 2, A. Micallef Trigona, N. Andrejevic.

Referees: Emanuel Mangani, Alfred Carbonaro, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment