Faċilitajiet Sportivi Ġodda fl-iskola San Bastjan f’ Ħal Qormi

Thursday, November 15, 2012, 13:38

L-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport inawgura faċilitajiet sportivi ġodda fl-Iskola Primarja San Bastjan, Ħal Qormi, f’bitħa li ġiet ikkonvertita f’faċilità multi-purpose biex takkomoda diversi dixxiplini sportivi outdoor fosthom football, basketball u volleyball. Parti mill-bitħa ta’ din l-iskola saret b’art tal-lastiku, li jassigura ambjent sigur għat tfal filwaqt li parti oħra sar fiha pitch 7-a-side bit-turf sintetiku. Saret ukoll area dedikata għat-tfal tal-kindergarten.

Is-Segretarju Parlamentari qal li dan l-investiment jingħaqad ukoll ma’ faċilitajiet sportivi li saru fi skejjel primarji oħra u ma’ dak fl-iskejjel sekondarji tal-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq fejn hemm grawnd tal-football u trakka tal-atletika. F’Tal-Ħandaq bħalissa qed isir żvilupp f’żewġ nissan huts biex jigu ittrasformati f’indoor sports halls u ftit tal-ġimgħat ilu kienu sottomessi l-pjanti lill-MEPA biex jinbena kumpless sportiv ġdid simili għal dak f’Ħal Kirkop.

Puli qal li il-Gvern qed jibni skola ġdida kull sena b’investiment ta’ €33 miljun, li €7 miljun minnhom marru għall-bini ta’ faċilitajiet sportivi f’dawn l-iskejjel. Dan l-investiment qed isir għaliex il-Gvern jemmen fil-benefiċċji tal-isport għall-iżvilupp sħiħ tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Huwa tenna li l-iskejjel llum saru wkoll ċentri għall-komunità wara l-ħinijiet tal-iskola, biex b’hekk qed jiġi mmassimizzat l-investiment li jsir. Diversi għaqdiet u membri tal-pubbliku qed jagħmlu użu regolari minn dawn il-faċilitajiet sportivi wara l-ħin tal-iskola.

Għaċ-ċerimonja kien hemm preżenti il-Prinċipal tal-Kulleġġ Horace Caruana, il-Kap tal-Iskola, l-għalliema kif ukoll studenti u ġenituri. Is-Segretarju Parlamentari ġie milqugħ fl-iskola mill-President tal-Kunsill tal-Istudenti Clive Camilleri.

 




Leave a comment