Etienne Bonello u Michelle Vella Wood tat-Team Greens inkurunati Champions

Monday, July 31, 2017, 9:23

Ċikliżmu – Kampjonat Nazzjonali tat-Time Trial

Dan l-aħħar għadu kif intemm il-Kampjonat Nazzjonali tat-Time Trail 2017 organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu fejn rajna jkunu ddikjarati Champions ġodda għal din is-sena. Fil-Kategorija tal-Elite, Etienne Bonello tat-Team Greens CC rebaħ dan il-kampjonat fejn spiċċa Champion meta tella total ta’ 575 punt miksuba minn żewġ rebħiet fil-Bypass tal-Imrieħel u l-Mtarfa, kif ukoll it-tieni post fil-Miżieb. B’hekk huwa kellu s-sodisfazzjon kbir li jsir Champion fid-19-il sena tiegħu fiċ-ċikliżmu lokali. Minkejja l-età tiegħu, dan is-suċċess kien dovut għall-attenzjoni u d-dedikazzjoni tiegħu. It-tieni u t-tielet post ġew miksuba minn Christian Formosa (The Cyclist) u Nicholas Micallef (Mosta AF Sign Studio CC) b’410 u 385 punt rispettivament.

Bħala Champion Feminili ittrijonfat Michelle Vella Wood biex kisbet suċċess doppju wara li iktar qabel kienet rebħet ukoll il-Kampjonat tar-Road Race. Hija spiċċat fuq quddiem b’575 punt, akkwistati minn żewġ rebħiet fl-Mtarfa u l-Miżieb u t-tieni post fil-Bypass tal- Mriehel. L-ex-champion Marie Claire Aquilina wkoll tat-Team Greens spiċċat it-tieni b’375 punt filwaqt li Marion Pullicino ta’ Mosta AF Sign Studio CC spiċċa fit-tielet post b’175 punt.

Nicholas Attard Montalto ta’ The Cyclist rebaħ Kampjonat ieħor tal-Juniors wara li kien rebaħ ukoll il-Kampjonat tar-Road Race, għal darb’oħra b’punteġġ impressjonanti ta’ massimu ta’ 600 punt. It-tieni post inkiseb minn sieħbu Isaac Spiteri b’525 punt filwaqt li Gianluca Camilleri ta’ B’Kara St Joseph SC spiċċa t-tielet b’310 punt.

 il-Kategorija tal-Masters 40+, Ivan Zammit ta’ Birkirkara St Joseph SC spiċċa champion b’punti massimi ta’ 600 sabiex huwa rdoppja wkoll it-titli din is-sena wara li kien ukoll spiċċa bħala l-Champion tar-Road Race. Fit-tieni post ikklassifika l-Għawdxi Domenic Cutajar b’total ta ’460 punt, filwaqt li Geatano Degabriele ta’ Team Greens spiċċa t-tielet b’415 punt.

 Il-Kampjonat tal-Masters 50+, ra għal darb’oħra s-suċċess ta’ Nicky Farrugia ta’ Mosta AF Sign Studio CC b’400 punt miksuba minn żewġ rebħiet fil-Bypass tal-Mriehel u l-Mtarfa. Sieħbu Michael Lia spiċċa fit-tieni pożizjoni b’total ta’ 375 punt, filwaqt li b’350 punti spiċċaw fit-tielet post Kenneth Zammit ta’ The Cyclist. Emmanuel Camilleri ta’ Mosta AF Sign Studio CC kellu suċċess komplet bi tliet rebħiet għal massimu ta’ 600 punt fil-Kampjonat Masters 60+.

 Il-Kampjonat tat-tfal ta’ taħt il-15 il-sena, Christina Spiteri ta’ The Cyclist rebħet ukoll dan il-Kampjonat meta kisbet massimu ta’ 600 punt. Fit-tieni post spiċċat l-ex-champion Veronique Pace Asciak ta’ Mosta AF Sign Studio CC b’525 punt. Sadanittant, Nikol Micallef ta’ Mosta AF Sign Studio CC spiċċa bħala champion fil-kategorija tiegħu b’540 punt, akkwistati minn żewġ rebħiet fil-Bypass tal-Mriehel u l-Mtarfa u r-raba’ post fil-Mizieb. It-tieni spiċċa Mika Zammit ta’ Agones SFC b’495 punt u t-tielet ikklassifika Malcolm Vassallo ta’ Mosta AF Sign Studio CC b’490 punt.

 Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu tixtieq trodd ħajr lit-tim tal-ARRTS timing system li ħadu ħsieb il-ħinijiet tat-tiġrijiet u lil Kunsilli Lokali rispettivi tal-koperazzjoni kollha tagħhom. Radd ta’ ħajr ieħor imur għal Korp tal-Puliżija li kienu ta’ assistenza kbira u kontinwa, kif ukoll lil Malta Red Cross Operations u bosta voluntiera, timekeepers u marshalls għas-servizz tagħhom.

Ritratt tal-Grupp: Uħud mic-Champions Nazzjonali tat-Time Trial flimkien mal-uffiċjali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu; mix-xellug: Joe Bajada (Segretarju Ġenerali), Ivan Zammit, Christina Spiteri, Etienne Bonello, Michelle Vella Wood, Nicholas Attard Montalto, Emmanuel Camilleri u John Zammit (President).

 





Leave a comment