Esperjenza memorabbli għall-atleti Maltin waqt il-FISEC f’Tours

Tuesday, July 20, 2010, 20:57

minn Kenneth Vella

Kontinġent ta’ aktar minn sittin persuna bejn atleti, coaches u uffiċjali, ħa sehem fit-62 edizzjoni tal-logħob tal-FISEC li din is-sena ġiet organizzata f’Tours fi Franza bejn il-5 u l-11 ta’ Lulju.

Il-kontinġent kien immexxi miċ-chairman tal-Kunsill Malti tal-FISEC Bro Martin Borg u d-Direttur Tekniku David Azzopardi u pajjiżna kien rappreżentat fil-kompetizzjonijiet tal-għawm subien u bniet, table tennis subien, basketball bniet u atletika subien u bniet. Barra dan, kienu nvoluti wkoll l-uffiċjali tekniċi Leonard Falzon fil-qasam tal-basketball u Alfred Cachia fil-kamp tal-għawm.

Bħas-snin li għaddew Malta kellha l-akbar suċċess fil-kompetizzjonijiet tal-għawm. Iżda anki fl-atletika ma naqasx is-suċċess filwaqt li l-kompetizzjonijiet tal-basketball u t-table tennis servew biex l-atleti Maltin ikomplu jieħdu aktar esperjenza internazzjonali.

Il-kontingent Malti

Għawm

Fl-għawm, l-għawwiema Maltin immexxija minn Gail Rizzo assistita minn Mark Galea rebhu total ta’ 23 midalja. L-għawwiema li kellhom suċċess kienu – Rhea Cutajar rebħet il-midalja tad-deheb fil-100 metru butterfly u fidda fil-200m butterfly, Talisa Pace li rebħet midalja tal-fidda fil-200m freestyle u bronz fil-100m freestyle, Mark Sammut li rebaħ midalji tal-fidda fil-200m freestyle, fil-50m backstroke, fil-200m backstroke u fil-100m backstroke, Michaela Millo, fidda fil-200m breaststroke, Daniel Galea, fidda fil-100m breaststroke, fil-200m individual medley, fil-50m breaststroke u bronz fil-200m breaststroke, Nicola Muscat li ħadet midalja tad-deheb fil-50m butterfly u oħra tal-bronz fil-50m freestyle, Matthew Zammit li rebaħ ukoll midalja tal-bronz fil-50m freestyle u Gabriel Pace li rebaħ midalja tal-fidda fl-400m freestyle. It-team tal-bniet Malta A, kompost minn Talisa Pace, Rhea Cutajar, Michela Millo u Nikki Muscat rebaħ il-midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni tat-teams filwaqt li Malta A, kompost minn Mark Sammut, Daniel Galea, Gabriel Pace u Matthew Zammit spiċċa fit-tielet post fil-kompetizzjoni tat-teams tas-subien. Fl-4X100m medley, Malta rebħet midalji tal-bronz fil-kompetizzjonijiet tas-subien u tal-bniet. Fl-4X100m freestyle tal-bniet, Malta rebħet midalja tal-bronz, l-istess ġara fl-4X200m freestyle tas-subien.

Atletika

Fl-atletika, Tamara Vella rebħet midalja tad-deheb fit-triple jump tal-bniet. Dan meta kellha qabza ta’ 11.68m li hu wkoll rekord Nazzjonali. L-istess Vella rebħet midalja tal-bronz fil-long jump b’qabża ta’ 5.29 metri. Marija Sciberras spiċċat it-tieni fil-finali tal-100m hurdles f’hin ta’ 14.72” (rekord Nazzjonali) u t-tielet fil-finali tat-300m hurdles f’ħin ta’ 45.23 sekondi. Fil-finali tal-400m tas-subien, Thomas Farrugia rebaħ il-midalja tad-deheb f’ħin rekord Nazzjonali ta’ 51.53” u fil-200m l-istess Farrugia spiċċa t-tieni f’ħin ta’ 23.17” sekondi li hu wkoll rekord Nazzjonali. Ta’ min wieħed jgħid li Farrugia kiser erba’ records Nazzjonali waqt dan il-loghob. Jeremy Borg rebaħ midalja tad-deheb fil-long jump tas-subien b’qabża ta’ 6.77 metri.

It-team Malti tal-bniet (Donna Henderson, Marija Sciberras, Katya Vassallo u Tamara Vella) spiċċa fit-tielet post fil-finali tal-4X100m relay filwaqt li dak tas-subien (Jeremy Borg, Luke Bezzina, Thomas Farrugia u Ryan Mark Camilleri) spiċċa fit-tieni pożizzjoni dejjem fil-finali tal-4X100m relay. Fil-kompetizzjoni tat-teams, it-team Malti temm it-tielet. L-atleti Maltin kienu ppreparati minn Mario Micallef, assistit minn Angie Mangion.

Basketball

It-team Malti tal-bniet, immexxi minn Sandro Farrugia spiċċa fis-sitt post. Malta tilfet kontra Spanja A 64 għal 45; kontra Belgium Flanders 73 għal 51 u kontra l-Portugal 61 ghal 39. Malta rebħet l-aħħar loghba tagħha kontra Spanja B 43 għal 39 b’Steffi Demartino tkun l-aħjar skorer għat-team Malti.

Table Tennis

Fit-table tennis, Malta kienet rappreżentata minn Andreas u Marcus Portelli u għalkemm dawn it-tnejn ma kellhomx rebħ ta’ midalji, żgur li l-logħob għinhom ikomplu jiksbu esperjenza internazzjonali sa minn eta’ tenera. L-aħwa Portelli għandhom iċ-ċans jieħdu sehem fil-FISEC għal ħafna snin oħra u dan il-fatt jimlina bil-kuraġġ. Dawn l-atleti kienu ppreparati minn Kevan Azzopardi.

Finalment, il-partecċpazzjoni Maltija ma kenitx tkun possibli mingħajr l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-iSport, il-linja Nazzjonali tal-ajru l-Airmalta u l-kumpanija Euro Sport li ħadmet fuq il-kit uffiċjali tal-kontingent Malti għall-edizzjoni ta’ din is-sena.





Leave a comment