Esperjenza memorabbli għal Michael Sultana

Monday, September 20, 2010, 13:30

Il-ġimgħat tas-Sajf kienu ferm impenjattivi għall-jockey żagħżugħ Malti Michael Sultana. Dan minħabba li Sultana, fuq inizjattiva personali ħa sehem f’sensiela ta’ tiġrijiet fil-Belġju, il-Ġermanja u Franza fejn akkwista riżultati tajbin.

Fil-Belġju, fil-31 ta’ Lulju, fil-korsa ta’ Mons, Sultana rebaħ tiġrija permezz tad-debba Anna filwaqt li temm it-tielet f’żewg okkażjonijiet oħra (fit-8 ta’ Awwissu u fl-20 tal-istess xahar). Ftit tal-jiem wara, fit-22 ta’ Awwissu, fil-korsa ta’ Dusseldorf fil-Ġermanja, il-jockey Malti rebaħ tiġrija oħra permezz ta’ Niceland filwaqt li ftit tal-jiem ilu, fl-4 ta’ Settembru fil-korsa ta’ Craon fi Franza, Michael Sultana temm il-ħames fit-tiġrija Prix Cheri Bibi fuq 2200m permezz ta’ Omni DA li hu żiemel Belġjan ta’ tliet snin.

Mal-jockey Malti tkellimt mar-ritorn tiegħu Malta. Dwar din l-esperjenza qalli li rnexxielu jsuq f’dawn il-pajjiżi wara li fl-istaġun 2007-2008 kien diġa ħadem bħala jockey u trainer fil-Belġju grazzi għall-għajnuna li tah il-Belġjan Leo Braem. “Din id-darba ddecidejt li nerġa’mmur f’dawn il-pajjiżi u tlajt bħala freelance jockey. Nassigurak li għalija din reġgħet kienet esperjenza memorabbli li tatni ċ-ċans niltaqa’ ma’ jockeys professjonali u pparteċipajt f’koros relattivament moderni,” qalli Michael Sultana.

Dwar il-pajjiżi li saq fihom, Michael Sultana kkummenta li Franza hu pajjiż rinomat għat-tiġrijiet u l-Franċiżi huma professjonali u preċizi f’kollox. Is-sidien Ġermaniżi u Franċiżi għandhom kwalita’ ta’ żwiemel aħjar milli ssib fil-Belġju. “Iżda xorta nemmen li ż-żwiemel Belġjani kappaċi jirbħu anki fi Franza. Fil-Ġermanja u Franza ssib nies aktar professjonali u dawn għandhom għazla akbar f’dik li hi kwalita’ ta’ żwiemel,” tenna Sultana. Finalment Michael Sultana kkonferma li qiegħed jippjana biex is-Sajf li ġej jergġa’ jitla’ jaħdem f’dawn il-pajjiżi.





Leave a comment