Emiliano Lattes (Victoria Hotspurs) rebbieħ tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar ta’ April 2019

Tuesday, May 14, 2019, 13:27

Emiliano Lattes ta’ Victoria Hotspurs huwa l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal April 2019.

Il-plejer Arġentin ta’ nofs il-grawnd ingħaqad ma’ Spurs fil-bidu tal-aħħar staġun u wera li kien pedina versatili ħafna fit-tim ta’ Gotthard Conti li rebħu l-kampjonat is-sena l-oħra u f’dan l-istaġun għamlu dopjetta meta rebħu kemm il-Kampjonat BOV kif ukoll il-BOV GFA Cup.

Victoria Hotspurs kisbu l-punti massimi mill-erba’ partiti tagħhom matul April biex kisbu ċ-ċertezza matematika għat-titlu. Lattes skorja l-gowl deċiżiv fir-rebħa ta’ Victoria Hotspurs ta’ 2-1 fuq SK Victoria Wanderers u skorja l-ħames gowl fir-rebħa kbira tagħhom ta’ 7-2 fuq Xewkija Tigers biex assiguraw ir-rebħ tat-titlu. Huwa skorja wkoll l-aħħar gowl tat-tim tiegħu għal dan il-kampjonat fir-rebħa tagħhom ta’ 4-2 fuq Nadur Youngsters qabel ingħataw it-Trofew tal-Kampjonat BOV GFA.

Dan huwa t-tielet staġun ta’ Lattes, li għandu 34 sena, fil-futbol Għawdxi wara l-perjodu li lagħab fil-Kampjonat BOV Premier fejn ħalla l-marka tiegħu mat-tim ta’ Birkirkara.

Horace Laudi, Uffiċjal Kap fil-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar lil Lattes fit-tmiem tal-finali tal-BOV GFA Cup, fejn Victoria Hotspurs għelbu lil Nadur Youngsters bl-iskor ta’ 3-2 b’Emiliano jiskorja l-gowl tar-rebħa matul il-ħin mogħti żejjed. Il-plejer għażel lill-Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.





Leave a comment