Emiliano Lattes jiċċelebra l-Kampjonat bl-unur għax-xahar ta’ April

Wednesday, May 16, 2018, 14:50

Emiliano Lattes ta’ Victoria Hotspurs żied it-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal April 2018 mat-trofew tal-Kampjonat BOV GFA, liema kompetizzjoni kienet iddominata mill-Hotspurs.

Il-plejer ta’ nofs il-grawnd li ġej mill-Arġentina wera l-versatilità tiegħu meta kien hemm biex jipproteġi lid-difiża tat-tim tiegħu filwaqt li jixpruna l-azzjonijiet għall-attakk tat-tim, u anke kellu xuttijiet tajbin ħafna minn quddiem il-lasta. B’kollox Lattes skorja 4 gowls fil-logħob tal-Kampjonat BOV GFA tal-1 Diviżjoni u kien ta’ ispirazzjoni fir-rebħa ta’ Spurs ta’ 3-1 fuq Għajnsielem biex wassal ukoll lit-tim tiegħu għar-rebħ tal-kompetizzjoni ‘knockout’.

Lattes ta’ 33 sena ngħaqad ma’ Victoria Hotspurs fil-bidu tal-istaġun, fl-isforzi tagħhom biex isaħħu nofs il-grawnd, u huwa patta lura l-fiduċja li wrew fih billi għenhom isiru dik il-forza li ddominat il-Kampjonat BOV GFA tal-1 Diviżjoni. Dan huwa t-tieni staġun ta’ Lattes fil-futbol Għawdxi wara diversi staġuni fil-Kampjonat BOV Premier.

Horace Laudi, l-Eżekuttiv Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal April 2018 lil Lattes li għażel lill-Puttinu Care biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.





Leave a comment