Elusive 2 tirbaħ il-BOV Gozo Regatta tal-2018

Monday, December 3, 2018, 13:44

Bis-sehem tagħhom fit-tellieqa IRC Racer Class 1, l-aħwa Podesta kienu fi klassi għalihom tul tmiem il-ġimgħa kollu tal-BOV Gozo Regatta. Elusive 2 kienet l-ewwel dgħajsa fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex fit-tellieqa tal-pass li bdiet mill-Port il-Kbir nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru. Bi Christoph Podesta bit-tmun f’idejh, l-ekwipaġġ tal-Elusive 2 ħadu li setgħu mill-irjieħ qawwija biex iffaċċjaw ir-rotot tat-tlielaq stabbiliti mill-uffiċjal prinċipali tat-tlielaq Peter Dimech biex rebħu 3 mill-4 tlielaq l-oħra u ħadu t-titlu globali b’marġni b’saħħtu.

Fl-IRC Racer Class II, Maltese Falcon 2, bit-tmun f’idejn Jonathan Camilleri Bowman daħlet l-ewwel fit-tlielaq kollha, u rebħet din il-klassi. L-IRC Cruiser Class kienet aktar taqtigħa mill-qrib b’Manana ta’ Peter Ellul Vincenti tgħaddi bi ftit lil Kon Tiki ta’ Ferdinand Grech u tirbaħ din il-klassi.

Fil-Club Cruiser Class, Gioia ta’ Anthony Miggiani għelbet lil Segno D’Aria ta’ Ivan Leone, l-unika dgħajsa barranija li kienet qed tikkompeti f’din it-tellieqa, filwaqt li Maltese Musketeers rebħet il-klassi Sports Boat, b’din il-klassi tidher ukoll għall-ewwel darba fit-tellieqa.

Stefan Abela mill-PR and Community Department tal-Bank of Valletta u Godwin Zammit, Komodor tar-Royal Malta Yacht Club ippreżentaw it-trofej lir-rebbieħa b’Maya u Christoph Podesta jirċievu t-trofew tal-BOV Gozo Regatta għat-tielet darba wara r-rebħiet tagħhom fl-2015 u fl-2016.





Leave a comment