Elusive 2 jirbaħ il-Yachting Malta Coastal Race

Thursday, October 15, 2020, 14:30

Il-Yachting Malta Coastal Race li saret nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru, hija t-tellieqa ta’ qabel il-41 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, li tibda s-Sibt 17 ta’ Ottubru. Il-flotta tal-Yachting Malta Coastal Race kellhom kundizzjonijiet ta’ tbaħħir mill-aqwa. Il-Principal Race Officer Peter Dimech għażel tellieqa ta’ madwar 30nm li bdiet mill-Port ta’ Marsamxett u li ħadet il-flotta madwar il-gżira ta’ Kemmuna qabel ma rritornaw fil-Port ta’ Marsamxett.

Tbaħħir mill-aqwa,” ikkummenta Peter Dimech. Riħ ta’ bejn 12-15-il mil nawtiku mill-Lbiċ li żied  għal 18-il mil nawtiku aktar tard fil-ġurnata. Kien hemm imbatt ta’ madwar metru fuq il-Kosta tal-Punent ta’ Kemmuna, iżda ibħra ċatti fuq il-kosta tal-lvant.”

Fl-ewwel bidu, ir-Russu JPK 10.80 ta’ Timofey Zhbankov,  Rossko kiseb l-aħjar bidu u kompla sabiex rebaħ il-klassi tiegħu u kiseb it-tieni post fil-klassifika ġenerali.  Fit-tieni bidu, il-familja Podesta, li ttellaq bil-jott First 45 Elusive 2, bdiet it-tellieqa b’ritmu kbir barra mill-port. Elusive 2 kompla b’dan ir-ritmu sabiex rebaħ it-tellieqa, wara l-korrezzjoni tal-ħin IRC. Rossko kiseb it-tieni post u il-JP54 The Kid ta’ Jean-Pierre Dick. Prestazzjoni tajba tal-jott Malti, Ton Ton Laferla, ta’ Jonathan Gambin li rebaħ il-klassi IRC 5.

Christoph Podesta, ko-kaptan ta’ Elusive 2, rebbieħ ġenerali tar-Rolex Middle Sea Race 2019 ikkumenta wara t-tellieqa: “Is-sena li għaddiet urejna l-potenzjal tagħna, imma nafu li hija tellieqa iebsa biex tirbaħ u m’aħniex ser minlew rasna. Nisperaw li jkollna pass iktar mgħaġġel mill-2019 u nirbħu l-klassi tagħna. Ir-rebħa ġenerali tiddependi fuq affarijiet lil hinn mill-kontroll tagħna imma nistgħu nbaħħru għall-potenzjal tagħna u ngawdu t-tellieqa. “

Il-Jott JP54 The Kid ta’ Jean-Pierre Dick ħa l-unuri tal-linja fil-Yachting Malta Coastal Race f’ħin.  Huma spiċċaw it-tellieqa f’ħin sagħtejn, 47 minuta u  39 sekonda. Din se tkun it-tieni Rolex Middle Sea Race għal The Kid u Jean-Pierre Dick, li kkompeta fi tliet edizzjonijiet tal-Vendee Globe u rebaħ il-Barċellona Round the World Race.

Qed nikkompetu mal-istess ekwipaġġ ibbażat fir-Repubblika Ċeka.  Din it-tellieqa hija  waħda mill-isbaħ u jien li niġi minn Nizza inħobb il-Mediterran,” ikkummenta Jean-Pierre Dick. “It-tellieqa tal-lum kien test tajjeb għad-dgħajsa f’kundizzjonijiet ta’ tlielaq u biex wieħed jipprattika l-manuvri u tibdil fil-qlugħ. Uħud mid-dgħajjes ma għamluxha għat-Tiġrija Kostali minħabba maltempata. Madankollu, għar-Rolex Middle Sea Race se jkun hemm kompetizzjoni iebsa. Din hija logħba differenti mill-Vendee Globe, iżda hija sfida l-istess, u din is-sena t-tellieqa hija miftuħa. “

Ir-rebbieħa tar-Rolex Middle Sea Race u tal-Yachting Malta Coastal Race jiġu rikonoxxuti fl-għoti finali tal-premijiet nhar is-Sibt 24 ta’ Ottubru.

Il-41 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race hija skedata li tibda nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru fil-ħdax ta’ filgħodu (ħin lokali), bl-ewwel sinjal ta’ twissija għaxar minuti qabel. Il-bidu tat-tellieqa se jixxandar dirett fuq TVM2 b’kummentarju bil-Malti mill-10:30 san-12.30. Se jkun hemm ukoll xandira Facebook Live, fuq il-paġna Rolex Middle Sea Race, bl-Ingliż li tibda fl-10:30. Matul it-tellieqa jkun hemm aġġornamenti ta’ kuljum live fuq Facebook fid-09:00 kuljum u ħinijiet oħra jiġu avżati.

L-ispettaturi li jixtiequ jaraw il-bidu mix-xatt tal-Port il-Kbir għandhom jirrispettaw ir-regoli u l-gwida tal-gvern rigward id-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra. Il-pubbliku avżat li l-Port il-Kbir ser jkun magħluq għat-traffiku kollu mhux relatat direttament mat-tellieqa mid-09:00 sat-15:00 jew dak il-ħin li jiġi kkomunikat mill-Valletta Port Control (Valletta VTS) fuq Channel 12.

Kwalunkwe tibdil fl-arranġamenti minħabba bidliet fil-gwida tal-gvern jiġi nnotifikat permezz tal-websajt tat-tellieqa u l-kanali tal-midja soċjali.





Leave a comment