EBSA Kampjonat tas-Snooker 2017: Il-plejers Maltin jibdew tajjeb

Wednesday, March 15, 2017, 14:10

Gavin Muscat

Il-plejers Maltin tas-snooker li qed jiehdu sehem fil-Kampjonat Ewropew kwazi kollha kellhom bidu tajjeb fl-ewwel jumejn ta’ logħob. Dan il-Kampjonat qed jintlagħab gewwa Nicosia, Ċipru u jintemm nhar il-Hadd li gej bil-Finali. Malta qed tkun rappreżentata minn ħames plejers.

Ic-Champion Malti Brian Cini rebah l-ewwel żewġ logħbiet tiegħu fi Grupp Q meta għeleb lil Teodor Chomovski tal-Bulgarja u lit-Taljan Gianluca Manoli rispettivament bl-iskor identiku ta’ 4-0. L-aħjar brejks ta’ Cini f’dawn il-logħbiet kienu 76, 75 u 54. Cini jerga’ jkun fl-azzjoni għada fit-3.30pm (ħin ta’ Malta) meta jiltaqa’ kontra l-Irlandiż Thomas Dowling.

Duncan Bezzina wkoll kiseb żewġ rebħiet minn daqstant logħbiet fi Grupp S meta għeleb lil Iulian Boiko tal-Ukrajna 4-1 u lil Sasa Stojanovic tas-Serbja bl-iskor ta’ 4-0 fejn Bezzina kellu brejks ta’ 65 u 56. Bezzina jerga jkun fl-azzjoni llejla fis-6.30pm meta jilgħab kontra Simon Lichtenberg tal-Ġermanja.

Jason Peplow rebaħ l-ewwel żewġ logħbiet tiegħu fi Grupp Y bl-iskor ta’ 4-0 kontra Borkur Birgisson tal-Iżlanda u kontra Demetris Nicolau ta’ Ċipru rispettivament. Huwa jilgħab it-tielet logħba tiegħu fil-grupp għada fid-9.30am kontra l-Belġjan Jurgen Van Roy.

Joseph Casha kellu bidu mhux daqstant tajjeb meta tilef l-ewwel żewġ logħbiet tiegħu fi Grupp B bl-iskor ta’ 4-0. Fl-ewwel logħba huwa kien megħlub minn Antii Mannila tal-Fillandja waqt li fit-tieni logħba tilef kontra Andres Petrov tal-Estonja. Bhalissa huwa qed jilgħab it-tielet logħba tiegħu kontra d-Daniż Martin Sondergaard fejn Casha qed jitlef bl-iskor ta’ 2-0.

Il-ħames plejer Malti f’dan il-Kampjonat Aaron Busuttil jilgħab l-ewwel logħba tiegħu fi Grupp K illejla fis-6.30pm meta jiltaqa’ kontra David Lilley tal-Ingilterra.

Aktar informazzjoni dwar dawn il-Kampjonati (Livestreaming, Livescoring, klassifiki etc) tista’ tinkiseb minn fuq il-website tal-EBSA www.ebsa.tv

Il-parteċipazzjoni tal-plejers Maltin f’dawn il-Kampjonati qiegħda tkun possibbli grazzi għall-għajnuna mogħtija lill-Malta Billiards & Snooker Association minn Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

Il-ħames plejers Maltin f' Ċipru





Leave a comment