€1,450 għall-Moviment Hospice

Wednesday, March 24, 2010, 8:54

Il-Ħadd, 21 ta’ Marzu 2010, ġie organizzat id-Dylan Bugeja Tournament, minn Senglea Nursery, b’risq il-Hospice Movement.  Dan it-tournament sar għat-tieni sena konsekuttiva u ssemma għal Dylan, żagħżugħ li kien jagħmel parti minn nursery tal-Isla, li miet is-sena l-oħra.  Il-flus kollha miġbura minn dan it-tournament kienu devoluti lill-Hospice Movement, li toffri għajnuna lill-pazjenti fil-fażi terminali tal-mard tal-pulmun, kliewi, qalb u kanċer.

Il-preżentazzjoni minn Senglea Youth Nursery

Dan it-tournament sar fil-Grawnd tal-Ponta, l-Isla, u għalih kienu mistiedna n-nurseries kollha ta’ Malta.  Il-logħob ntlagħbu f’tournaments triangulari u timijiet tal-Under 8, Under 11, Under 13 u Under 15 setgħu jieħdu sehem.  Jieħdu sehem f’din il-festa ta’ solidarjetà kien hemm it-timijiet ta’ Senglea Nursery, Vittoriosa, St.George’s, Kalkara, Sliema, Pembroke u Ħamrun.

L-għada, it-Tnejn, 22 ta’ Marzu, il-President ta’ Senglea Nursery, Stephen Spiteri, f’preżentazzjoni uffiċjali li saret fiċ-Ċentru ta’ Senglea Nursery, filwaqt li rringrazzja lit-timijiet kollha preżenti, tal-parteċipazzjoni tagħhom, ippreżenta s-somma ta’ €1,450, liċ-Chairman tal-Hospice Movement, it-Tabib Vincent Zammit. 

It-Tabib Zammit, irringrazzja lil Senglea Nursery talli organizzaw dan it-tournament u l-ġenerożità murija minnhom u mill-parteċipanti kollha.  Is-Sur Spiteri kkunkluda billi qal li d-Dylan Bugeja Tournament se jibda jsir ta’ kull sena u jispera li minn sena għal oħra, aktar timijiet jipparteċipaw f’dan it-tournament, għal għan daqsekk solidali u nobbli.





Leave a comment