€1.6 miljun investiment fl-atleti

Wednesday, December 11, 2013, 15:31

Illum ġie ffirmat il-ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kumitat Olimpiku Malti b’valur ta’ €1.6 miljun, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo. Dan il-ftehim ifisser it-twettiq ta’ wegħda elettorali fil-qasam sportiv.

Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar is-Segretarju Parlamentari Buontempo, qal li dan il-ftehim storiku se jwassal sabiex isiru pjanijiet u l-investimenti fit-tul li huma meħtieġa biex Malta itejjeb il-prestazzjoni tagħha fid-diversi logħob internazzjonali.

Dr Buontempo semma’ wkoll li fis-sena li ġejja se jsir investiment fil-faċilitajiet sportivi eżistenti Huwa esiġa li b’dan il-ftehim, bit-titjib li se jsir fil-faċilitajiet sportivi u bl-iskema tal-20/20 li se tiġi estiża għall-kowċis, jeħtieġ li jkun hemm riżultati aħjar.

Waqt din iċ-ċerimonja tkellem ukoll il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti s-Sur Julian Pace Bonello fejn waqt li rringrazzja lill-Gvern għal dan il-ftehim, huwa qal li l-Kumitat Olimpiku Malti se jkun jista’ jippjana għat-tul.

Tkellem ukoll ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Dr Luciano Busuttil fejn qal li l-għajnuna li se tingħata hija kemm bħala użu ta’ faċilitajiet, għajnuna finanzjarja u anke għajnuna f’pagi.





Leave a comment