Dro meritat f’logħba pjaċevoli

Monday, August 19, 2013, 13:12

Minn Robert Busuttil

Naxxar Lions……1
Floriana…………..1

Naxxar Lions immarkaw ir-ritorn tagħhom fil-Kampjonat Premier meta kisbu riżultat prestiġjuż ta’ 1-1 kontra Floriana, li min-naħa tagħhom bdew dan l-istaġun b’sitt punti mnaqqsa.
Iż-żewġ naħat kellhom diversi uċuh ġodda fit-tim tagħhom pero’ fost l-oħrajn spikka l-plejer il-barrani Gilmar da Silva Ribeiro li fil-fatt ġie vvutat bħala l-aqwa plejer tal-logħba mill-ġurnalisti preżenti.
Il-logħba kienet waħda pjaċevoli bl-azzjonijiet jiġu prodotti miż-żewġ naħat iżda d-difiżi rispettivi kienu ferm attenti f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Fit-tieni taqsima Igor Coronado għal Floriana kellu l-isfortuna li jolqot il-lasta sabiex fil-75 minuta Naxxar fetħu l-iskor. Kien xutt mal-ewwel tal-plejer il-ġdid tagħhom Marlon Briffa li sab lil TERENCE SCERRI li b’devjazzjoni nganna għal kollox lil gowler Hanford bejn il-lasti Furjaniżi.
Iżda lanqas laħqu għaddew erba’ minuti li l-Furjaniżi ġabu l-iskor ndaqs. Kien GARY MUIR li ttanta xortih bi kross xutt li qarraq għal kollox bil-gowler Julian Azzopardi.
Fil-ħin mogħti żejjed mir-referi Adrian Azzopardi, il-Lions għal ftit m’għamluhiex! Kien korner mogħti ferm tajjeb minn Gilmar li sab lil Thiago Lopes li bir-ras għeleb lill-gowler Hanford iżda mhux lid-difensur Furjaniż li kklerja fil-pront u salva r-riżultat għat-tim tiegħu.





Leave a comment