Dr. Simon Busuttil f’laqgħa mal-amministrazzjoni tal-MFA

Thursday, July 25, 2013, 9:31

Dr. Simon Busuttil, Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Nazzjonalista, illum wara nofsinhar kellu laqgħa mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Malta Football Association u kif ukoll żar xi uffiċini tal-impjegati tal-Assoċjazzjoni. Busuttil intlaqa’ fil-kwartiera tal-MFA minn Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo,President u Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni, li kienu akkumpanjati mill-Viċi Presidenti Dr.Chris Bonett, Ludovico Micallef u Alex Manfre’, mis-Segretarju Ġenerali Joe Gauci u mitTeżorier Ivan Mizzi.

F’laqgħa ta’ madwar 30 minuta fil-kamra tal-Eżekuttiv, iż-żewġ naħat tkellmu fuq il-bzonn li l-Kuntratti taċ-ċnus u l-kirjiet ta’ artijiet tal-Gvern lill-klabbs jiġu riveduti biex jinteħħew irrestrizzjonijiet fuq l-attivita’ kummerċjali li klabb ikun jista’ jiżvolġi minn dawn l-artijiet. Dan biex tiġi garantita s-sostenibbilita’ finanzjarja tal-klabbs.

Punt ieħor li ġie diskuss hu t-tibdil fir-regolamentazzjoni tal-MFA u leġiżlazzjoni biex l-istess klabbs ikunu jistgħu jikkonvertu minn għaqdiet sportivi għall-kumpaniji kummerċjali biex ikunu jistgħu jdawwru t-titolu legali li għandhom fuq dawn l-artijiet u b’hekk jattiraw l-investiment talprivat, kemm lokali kif ukoll barrani, fl-istess klabb.

Ġiet diskussa wkoll il-possibilita’ li tiġi stabbilita’ rata ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ min hu impjegat fis-settur tal-futbol, waqt li fl-istess ħin, l-MFA stess, bir-regoli l-ġodda tal-Financial Fair Play,tirregolarizza l-pożizzjoni fiskali ta’ dawk kollha li għandhom xi forma ta’ introjtu mill-futbol.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni wera l-qbil tiegħu ma’ dawn il-proposti tal-MFA u wiegħed l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista għal dawn l-inizjattivi meta jigu biex ikunu diskussi u approvati filParlament Malti.

Dr. Simon Busuttil kien akkumpanjat minn Robert Cutajar, Kelliemi tal-Oppożizzjoni għallIsport, Żgħażagħ u Innovazzjoni.





Leave a comment