Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat jintaqa’ mat-tim Nazzjonali Malti tar-Rugby

Monday, April 8, 2013, 14:24

Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ f’Kastilja lit-tim nazzjonali Malti tar-Rugby li bħalissa qed jieħu sehem fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Id-diriġenti, players u kowċis tkellmu mal-Prim Ministru dwar l-impenji tagħhom f’dan l-isport li qed iġib suċċess għal pajjiżna.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta hija kburija bir-rizultati eċċelenti li qed jikseb it-tim nazzjonali Malti tar-Rubgy. Dwar it-telfa ta’ nhar is-Sibt kontra l-Iżvizzera, li permezz tagħha Malta tilfet l-opportunità li tilħaq lill-Olanda fil-quċċata tal-grupp rispettiv, il-Prim Ministru qal li din hija parti mil-logħba sportiva u issa t-tim Malti għandu jhares ‘il quddiem lejn il-logħba diffiċli ta’ nhar is-Sibt barra minn daru kontra l-Olanda.
Il-Prim Ministru qal li t-tim nazzjonali Malti tar-Rugby se jsib kull appoġġ inkundizzjonat mill-gvern biex il-players ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom bl-aktar mod professjonali. Minn naħa tiegħu, il-President tal-Malta Rugby Football Union Martin Galea qal li diġà kellu laqgħa pożittiva mas-Segretarju Parlamentari tal-Isport Stefan Buontempo u matulha gie diskuss kif se tingħata l-ewwel għajnuna biex dan l-isport ikompli jagħmel unur għal pajjiżna.
Martin Galea rringrazzja lill-Prim Ministru talli sab il-ħin jilqa’ lit-tim nazzjonali Malti tar-Rugby f’Kastilja minkejja l-iskeda impenjattiva tiegħu fl-ewwel xahar ta’ Gvern Ġdid.





Leave a comment