Disa’ kompetituri Maltin se jikkompetu fl-FIA HiIl Climb Masters 2018

Thursday, October 11, 2018, 10:50

Disa’ sewwieqa Maltin fi tmiem din il-ġimgħa se jirraprezentaw lil Malta fil-kompetizzjoni tal-FIA HiIl Climb Masters 2018, wara li kienu magħżula mill-Fédération Internationale de l’Automobile (FIA). Dan tħabbar mill-Malta Motorsport Federation wara li ġiet infurmata li Malta ġiet aċċettata biex tieħu sehem fl-avveniment prestiġġjuż tal-FIA li se jsir f’Gubbio, l-Italja bejn it-12 u l-14 ta ‘Ottubru 2018.

Is-sewwieqa Maltin se jinkludu Mark Micallef, Matthew u John Zammit, Fabio Baldacchino, Kurt Camilleri, kif ukoll il-kwartett li se jtajjar il-bandiera ta’ pajjiżna fit-Tazza tan-Nazzjonijiet, taħt it-tmexxija tal-Kaptan Nazzjonali Jonathan Tonna, li huma Keith Camilleri, Noel Galea, Didier Bugeja u James Dunford.

Il-Masters se jlaqqgħu 175 sewwieqa, rebbieħa ta’ kampjonati nazzjonali ta’ 22 pajjiż Ewropew, kif ukoll ir-rebbieħa tal-Kampjonati tal-FIA. Għal dan l-avveniment, kull sewwieq għandu jikkompeti bl-istess vettura tat-tlielaq li kkompetew matul l-istaġun. Il-Masters se jinkludu klassifikazzjoni individwali, fejn ir-rebbieħa se jingħataw midalji tad-deheb, fidda jew bronż, u Tazza tan-Nazzjonijiet li Malta se tikkompeti għall-ewwel darba kontra 21 pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Organizzazzjonijiet Volontarji, l-Onor Clifton Grima laqa’ din l-aħbar u xtaq kull suċċess f’din il-kompetizzjoni lid-disa’ sewwieqa waqt żjara ta’ kortesija qabel ma telqu lejn Gubbio fl-Italja.

Il-President tal-Malta Motorsport Federation, Tonio Cini, qal li dan l-avveniment prestiġjuż huwa avveniment uniku għal kompetizzjoni mingħajr preċedent, bejn sewwieqa li normalment ma jikkompetux kontra xulxin. bhall-Griegi, l-Ispanjoli, ir-Rumeni, is-Sloveni, l-Iżvizzeri u l-Maltin lil rari pparteċipaw kontra xulxin, u għalhekk huwa avveniment li m’għandux jintilef. Cini kompla li hu kunfidenti li Team Malta, li huma sewwieqa membri tal-Island Car Club, se jaghmlu ġieh lill-motorsport lokali.





Leave a comment