Depiro u Starlites lura għar-rebħ u jikber l-inkwiet għal Hibs

Tuesday, February 7, 2017, 16:53

Kampjonat Mapfre MSV Life – Nisa

minn Colin Schembri

Starlites 55

Depiro 64

(14-16)(11-13)(15-14)(15-21)

Depiro kisbu t-tieni rebħa tagħhom fil-kampjonat fil-waqt li Starlites kienu qiegħdin isofru t-tieni telfa konsekuttiva. Depiro, issa taħt it-tmexxija ta’ Adrian Mifsud kellhom nieqsa lil Justine Xuereb kellhom wirja tajba fid-difiża u kien biss għal ħinijiet żgħar li Starlites irnexxielhom ikunu fuq quddiem. Waħda minn dawn l-okkażjonijiet kienet fil-bidu tal-partita meta marru fuq quddiem bil-baskets ta’ Josephine Grima u Samantha Farrugia. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn trippla ta’ Gaby Mifsud f’run ta’ 7-0 fejn kien hemm ukoll il-punti tal-Amerikana Carlee Schumacher. Għal darbtejn Starlites reġgħu marru minn fuq bil-punti ta’ Patricia Arguello u Grima però kienu Depiro li temmew l-ewwel perjodu minn fuq wara trippla oħra ta’ Mifsud 16-14. Fit-tieni taqsima, Depiro kellhom run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Nicole Agius u fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti. Starlites naqqsu d-distakk permezz ta’ Arguello li kellha wkoll trippla però l-punti ta’ Agius ħallew lil Depiro fuq quddiem fil-halftime 29-25.

Wara l-intervall Starlites għamlu l-iskor indaqs wara l-punti ta’ Grima u anke rnexxielhom jerġgħu imorru minn fuq għall-aħħar darba wara trippla u basket ta’ Kristy Galea. Depiro għalqu l-perjodu b’żewġ three pointers minn Sam Brincat biex baqgħu 3 minn fuq 43-40. Fl-aħħar perjodu, Depiro ħasdu lill-avversarji tagħhom meta bdew b’run ta’ 10-2 bi trippla oħra ta’ Mifsud. Starlites ma ċedewx u ppruvaw jagħmlu rimonta meta b’run ta’ 9-0 mibdijha bi trippla ta’ Arguello wasslithom sa’ punt minn taħt 52-53. Hawn però Depiro reġgħu ħadu l-partita f’idejhom u għamlu run deċisiva ta’ 9-0 biex finalment ħarġu rebbieħa 64-55.

Starlites: D. Agius, K. Galea 13, J. Doughty, S. Farrugia 4, J. Melecic, K. Pirotta, J. Micallef, J. Grima 14, P. Arguello 16, E. Magrin, S. Davies 4, A. Lupo 4.

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 14, H. Acreman, S. Brincat 14, M. Bonett 2, C. Camilleri, N. Agius 9, M. Scicluna, C. Schumacher 17, T. De Martino 8, C. Ciantar.

Referees: Bernard Vassallo, Jennifer Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Caffè Moak Luxol 65

Hibs 64

(8-6)(16-17)(19-15)(11-16)(11-10)

Din il-partita kellha tmur fil-ħin barrani biex finalment ic-champions Caffè Moak Luxol għelbu lil Hibernians 65-64. Luxol kienu mingħajr Steffi De Martino però kellhom ir-ritorn importanti ta’ Mandi Mercieca fil-waqt li Hibs kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom. Il-partita fetħet b’żewġ baskets mill-Pawlisti però Luxol malajr wieġbu bi 8 punti minn Attirah Munir u Sarah Pace biex is-sessjoni ntemmet fi skor baxx ta’ 8-6. Fit-tieni taqsima l-punti żdiedu hekk kif iż-żewġ timijiet naqqsu l-iżbalji tagħhom . Luxol kellhom trippla minn Paula Ellul bl-Amerikana Trudy Armstead twieġeb għal Hibs li però għal ħin twil baqgħu jiġru wara l-avversarji. Finalment huma rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ wara basket ta’ Silva Gambino però pronta kienet ir-risposta ta’ Luxol li bi three pointer ta’ Ina Baena Medina u baskets ta’ Sarah Pace u Christina Curmi reġgħu ħadu l-vantaġġ u daħlu jistrieħu punt minn fuq 24-23.

Fit-tielet taqsima Luxol fetħu bi trippla minn Pace biex kabbru l-vantaġġ għal 5 punti 31-26 qabel ma Hibs wieġbu bil-baskets ta’ Armstead, Julia Scerri u Iona Agius u marru minn fuq. Luxol reġgħu żiedu l-pressjoni tagħhom u sa’ tmiem it-taqsima rnexxielhom jerġgħu jiftħu l-vantaġġ li kellhom b’aktar punti minn Medina u Curmi għal skor ta’ 43-38. Fl-aħħar taqsima l-partita żdiedet fl-intensita hekk kif trippla ta’ Pace kienet imwieġba b’oħra ta’ Naomi Farrugia u kien hemm biss punt bejn iż-żewġ timijiet. Il-partita offriet tmiem eċitanti fejn wara lil għal darbtejn, Hibs ħadu vantaġġ, kienu Luxol li marru fuq quddiem fl-aħħar sekondi 54-52 bil-punti ta’ Mercieca. Iżda dan ma kienx biżżejjed għaliex basket minn Gambino fl-aħħar attakk tal-Hibs ippareġja l-partita fuq skor ta’ 54-54 biex daħlet fil-ħin barrani. Għal darb’oħra rajna liż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin. Hibs kienu tlett darbiet fuq quddiem però baskets minn Munir u free-throw ta’ Pace taw il-vantaġġ rebbieħ lil Luxol hekk kif it-tentattiv finali ta’ Hibs ma daħalx u c-champions ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 65-64.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 20, M. Mercieca 4, A. Munir 14, I. Baena Medina 11, N. Vella 2, K. Portelli, A. Calleja, P. Ellul 5, L. Caruana Montaldo, M. Darmanin 1, C. Curmi 8.

Hibs: E. Micallef, E. Cassar 2, S. Gambino 12, I. Agius 6, K. Caruana, M. Said 6, N. Vella, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia 8, T. Armstead 20, A. Marinkovic, J. Scerri 10.

Referees: Igor Marjanovic, Jennifer Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Hibs 34

 

Starlites 56

(9-11)(6-12)(6-17)(13-16)

Starlites irritornaw għar-rebħ wara ż-żewġ telfiet li kellhom u żiedu l-inkwiet tal-Hibs li qiegħdin f’riskju serju li ma jagħmlux il-play-offs hekk kif baqgħu fl-aħħar post tal-klassifika b’rebħa waħda. Hibs dan l-istaġun altenaw il-prestazzjonijiet tagħhom fejn tilfu xi partiti b’distakki żgħar u partiti oħrajn dizappuntanti bħal din fejn kellhom biss 34 punt. Fatt posittiv għall-Pawlisti f’din il-partita kien ir-ritorn ta’ Ema Micallef għal Hibs wara l-injury li sofriet kmieni fl-istaġun. Intant kienu Starlites li bdew tajjeb bil-punti tas-solita Patrica Arguello u Josephine Grima flimkien ma’ trippla ta’ Kristy Galea. Hibs irkupraw xi ftit bil-free-throws u naqqsu d-distakk għal basket 9-11. Fit-tieni perjodu, l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat speċjalment minn Hibs li kellhom biss 3 baskets. Arguello kompliet bil-punti tagħħa fejn kellha żewġ three pointers flimkien ma’ Samantha Farrugia u daħlu jistrieħu 23-15 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Hibs komplew isibu diffikulta biex jagħmlu l-punti għajr għal break qasir ta’ 6-0 li wasal minn Elena Cassar u Trudy Armstead wara lil Starlites kienu diġa bdew b’ħames punti mingħajr risposta. Huma komplew bi break ta’ 11-0 kollhu minn Arguello u Grima biex fetħu vantaġġ ta’ 19 –il punt 40-21. Fl-aħħar taqsima, Starlites bdew b’run ta 10-3 b’żewġ trippli oħra minn Arguello u Galea. Hibs kellhom risposta qasira b’basket minn Micallef u punti ta’ Silvia Gambino però qatt ma resqu viċin biżżejjed li jinkwetaw lill-avversarji biex Starlites ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 56-34.

Hibs: E. Micallef 2, E. Cassar 4, S. Gambino 11, I. Agius 2, M. Said 1, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia, T. Armstead 13, A. Marinkovic, J. Scerri 1.

Starlites: D. Agius, K. Galea 6, J. Doughty 2, S. Farrugia 4, D. Revol, K. Pirotta, J. Micallef, J. Grima 13, P. Arguello 29, E. Magrin, S. Davies 2, A. Lupo.

Referees: Bernard Vassallo, Christine Farrugia, Igor Marjanovic.

Gżira Athleta 66

Caffè Moak Luxol 53

(19-20)(11-22)(11-16)(24-9)

Gżira Athleta pattew għat-telfa li ħadu fl-ewwel round kontra Luxol meta ħarġu rebbieħa 66-53 biex b’hekk Santino Coppa sofra l-ewwel telfa tiegħu f’pajjiżna. Luxol, għal darb’oħra mingħajr Steffi De Martino, bdew tajjeb u żammew il-pass mal-Athleta u sa’ nofs l-ewwel sessjoni kien hemm parita 7-7. Hawn però Athleta kellhom run ta’ 11-3 bi trippla ta’ Christina Grima flimkien ma’ Leanne Sciberras u Amelia Simmons biex temmew l-ewwel sessjoni 18-9 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Athleta żammew vantaġġ doppju fl-ewwel ħinijiet bil-punti ta’ Simmons u Sharon Vella. Luxol wettqu reazzjoni bi tlett three pointers konsekuttivi minn Sarah Pace u Ina Baena Medina fi breal ta’ 12-0 biex marru minn fuq. Athleta finalment wieġbu bil-punti minn Simmons u Grima biex daħlu jistrieħu 26-24 minn fuq.

Luxol reġgħu marru minn fuq b’ħames punti b’baskets minn Pace u Attirah Munir. Athleta kellhom punti minn Grima u Simmons u wara li Luxol bdew jikkomettu diversi turnovers, huma żiedu l-vantaġġ bi trippli ta’ Beverlee Zammit u Grima. Pace u Mandi Mercieca wieġbu għal Luxol bl-Athleta jagħlqu t-taqsima b’basket minn Sharon Vella għal skor ta’ 48-41. Fl-aħħar sessjoni Athleta baqgħu fil-kontroll bi trippla ta’ Sciberras u punti minn Antoinette Borg. L-aħħar sforz ta’ Luxol wasal minn Baena Medina u trippla ta’ Mercieca però Athleta wkoll kellhom il-punti ta’ Sciberras u trippla minn Simmons u rebħu l-partita 66-53.

 

Gżira Athleta: C. Grima 25, B. Zammit 3, S. Pisani, L. Sciberras 6, A. Simmons 20, D. Said Hollier 4, A. Borg 4, S. Vella 4, E. Pace, C. Mifsud.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 14, M. Mercieca 8, A. Munir 17, I. Baena Medina 13, N. Vella, K. Calleja, P. Ellul, L. Caruana Montaldo, M. Darmanin, C. Curmi 1.

Referees: Igor Marjanovic, Zvezdan Dobrosaviljevic.

 

Klassifika Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Gżira Athleta

7

5

2

12

420

391

Caffe Moak Luxol

7

5

2

12

434

425

Starlites

6

4

2

10

323

306

Depiro

7

2

5

9

392

415

Hibs

7

1

6

8

374

406





Leave a comment