Depiro u Siġġiewi l-ewwel semi-finalisti

Monday, October 17, 2011, 8:46

minn Colin Schembri

ST.JAMES HOSPITAL SHIELD IRĠIEL

Depiro Mtarfa 71

Floriana Francesco Fenech 55

(24-10)(12-14)(14-17)(21-14)

Depiro kisbu t-tieni rebħa tagħhom fis- Saint James Hospital Shield meta għelbu lil Floriana Francesco Fenech 71-55. Floriana kienu qiegħdin jirritornaw fl-għola diviżjoni wara li rebħu l-promozzjoni fl-istaġun li għadda. Huma żammew ħafna elementi mill-iskwadra tas-sena li għaddiet u reġa deher wara assenza twila Adrian Sultana. L-Amerikani Bryant Williams ta’ Depiro u Greg Hamlin ta’ Floriana assistew għall-partita minn fuq il-bankijiet rispettivi tagħhom hekk kif mistennija jiddebuttaw fil-Gozo Cup il-ġimgħa d-diehla. Depiro ħadu vantaġġ bikri ta’ 8 punti 12-4 wara trippli minn Roderick Vella u Abraham Portelli. Chris Sammut beda jwieġeb għal Floriana pero’ Depiro għalqu s-sessjoni b’run ta’ 9-2. It-tieni sessjoni kienet iktar bilanċjata hekk kif l-aħwa Sammut daħlu iktar fil-partita għall-Furjaniżi. Pero’ trippla oħra ta’ Portelli flimkien mal-baskets ta’ Emanuel Lupo raw lil Depiro jidħlu jistrieħu 12 minn fuq 36-24.

Wara l-intervall Depiro reġgħu żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Andrew Aquilina b’Mark Ciantar iwieġeb għal Floriana. Vella u Aquilina rrispondew għal Depiro pero’ kienu Floriana li kellhom l-aħjar tmiem bi break ta’ 9-2 biex naqqsu d-distakk għal 9 punti 41-50. Fl-aħħar sessjoni Floriana komplew jagħfsu u trippla ta’ Steve Sammut ressqithom sa 5 punti ‘l bogħod 47-52. Depiro għaddew minn dan il-mument diffiċli hekk kif għamlu run ta’ 12-4 biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 15-il punt 66-51. Huma baqgħu jikkontrollaw l-aħħar minuti tal-partita biex ħarġu rebbieħa 71-55.

           

Depiro: R. Vella 11, JP Schembri 4, A. Portelli 10, A. Aquilina 13, D. Agius, E. Lupo 17, M. Mallia 4, I. Tanti 12.

Floriana Francesco Fenech: J. Curmi, N. Mercieca, C. Sammut 22, I. Mercieca 7, S. Sammut 12, R. Polis 3, A. Sultana 5, M. Ciantar 6

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Clive Terribile

Siġġiewi 71
Tata Motors Loyola 48

(14-9)(15-8)(27-13)(15-18)

Siggiewi vs Tata Motors

Siggiewi vs Tata Motors

Siġġiewi segwew lil Depiro fis-semifinali tas-Saint James Hospital Shield meta għelbu lil Tata Motors Loyola 71-48. Siġġiewi kienu mingħajr Jide Jetson u Clement Kodomaris pero rritorna Eman Xuereb. Loyola kienu qed jagħmlu d-debutt staġjonali tagħhom u ppreżentaw formazzjoni kważi identika għall-istaġun li għadda. Huma tilfu lil Alex Tabone li waqaf mil-logħba pero reġa rritorna Clint Cassar. Il-partita kellha bidu kwiet b’difiżi agressivi fuq iż-żewġ naħat bis- Siġġiewi punt minn fuq fis-sitt minuta 6-5. Il-punti baqgħu gejjin bil-mod għalkemm lejn it-tmiem Siġġiewi għamlu break qasir ta’ 6-2 biex temmew is-sessjoni fuq quddiem 14-9. Siġġiewi għamlu l-ewwel ħames punti tat-tieni sessjoni li pero’ ħadu 6 minuti u fetħu vantaġġ t’10 punti 19-9. Loyola wkoll wieġbu b’run ta’ 5-0 qabel ma Eman Xuereb għamel trippla għal Siġġiewi. Fl-aħħar ħdax –il sekonda, assist ta’ Peter Shouls lejn Marco Matijevic issaraf fi 3 punti mil-player Serb biex Siġġiewi daħlu jistrieħu 12 minn fuq 29-17.

Wara l-intervall, Loyola naqqsu d-distakk għal 10 punti pero’ hawn Siġġiewi għamlu run ta’ 19-4 b’diversi punti ta’ Matijevic fosthom trippla flimkien mal-baskets ta’ Louis Camilleri u Chris Maeir. Dan wassal biex Siġġiewi fetħu vantaġġ ta’ 26 punt fi tmiem is-sessjoni 56-30. Fil-ftuħ tar-raba’ sessjoni kien hemm trippli ta’ Billy Zammit u David Camilleri li taw l-impressjoni li jistgħu jerġgħu jidħlu fil-partita. Pero Siġġiewi wieġbu bil-punti ta’ Alan Borg biex reġgħu żiedu l-vantaġġ għal 26 punt biex finalment rebħu l-partita 71-48

Siġġiewi: R. Agius 2, L. Camilleri 8, P. Shoults 14, E. Xureb 6, N. Sultana 3, A. Borg 6, C. Maeir 13, M. Matijevic 20.

Tata Motors Loyola: S. Pace 4, B. Zammit 6, D. Camilleri 17, C. Cassar 2, S. Borg, L. Azzopardi, S. Vella 1, A. Axiaq 7, J. Mihailovic 7, J. Anastasi 2, J, Ransey 2.

Referees: Gordon Barbara, Luke Camilleri, Alfred Carbonaro





Leave a comment