Depiro u Hibs fil-finali tan-Knock Out

Monday, February 25, 2019, 16:18

Bank of Valletta Knock-out Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 86

Depiro 89

(25-22)(23-21)(29-14)(9-31)

Il-logħba tal-basketball hija imprevedibbli partiti bħal din jikkonfermaw is-sbuħija ta’ dan l-isport, li propju fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali kien ippremjat bl-unur tat-Team tas-Sena. Partita li rat lil Gżira Athleta jiftħu vantaġġ ta’ 20 punt fil-bidu tal-aħħar taqsima però fl-aħħar waħda assistejna għal rimonta stupenda ta’ Depiro li tathom ir-rebħa li fissret ukoll post fil-finali. Iż-żewġ timijiet kienu bl-iskwadra kompluta hekk kif Athleta rkupraw ukoll lil Alex Perunicic li kien tilef l-aħħar partita tagħhom. Il-partita kellha bidu bilanċjat bil-punti ġejjin fuq iż-żewġ naħat u run ta’ 8-2 poġġiet lil Depiro 10-8 minn fuq. Ir-risposta tal-Athleta kienet immedjata permezz ta’ Vincent Pace li kellhu wkoll trippla biex poġġijhom minn fuq. Għal darbtejn Depiro għamlu l-iskor indaqs però three  pointer ta’ Conell Crossland poġġa lil Athleta fuq quddiem fi tmiem is-sessjoni 25-22. Fit-tieni perjodu, Depiro reġgħu qalbu l-iskor wara baskets tal-Amerikan Trent Steen. Athleta wieġbu b’run ta’ 8-0 fosthom trippla ta’ Peter Shoults flimkien mal-punti ta’ Julio Guity iżda Depiro wkoll kellhom it-trippli tagħhom minn Omar Said, Keshaun Hamilton u Daniel Farrugia biex fl-intervall Athleta kienu ħamsa minn fuq 48-43.

Fit-tielet sessjoni Athleta donnhom ħadu kontroll tal-partita speċjalment

Ritratt: Wally Galea

bil-punti ta’ Pace u Crossland u fetħu vantaġġ b’figuri doppji. Nathan Xuereb kabbar id-distakk wara trippla u Athleta komplew bi break ieħor ta’ 14-2 li għalquh bi trippla ta’ Pace u fetħu vantaġġ ta’ 20 punt 77-57. Fl-aħħar sessjoni ġara dak li forsi ħafna ma stennewx hekk kif id-difiża żona ta’ Depiro ħarbtet lil Athleta u l-players ta’ Julian Naudi bdew bi break ta’ 13-0 fejn kellhom it-three pointers minn Said, Jack Nygaard u Hamilton flimkien mal-punti ta’ Steen u naqqsu d-distakk għal seba’ punti. Il-partita issa reġgħet infetħet u minkejja li Crossland waqqaf il-mixja ta’ Depiro b’żewġ baskets, Athleta ntlaqtu minn run oħra qawwija ta’ 15-0 minn Depiro maqsuma bejn Said, Steen u Hamilton biex marru 85-81 minn fuq. Athleta ma rnexxielhomx jerġgħu jirkupraw għax għal punti li għamel Guity wieġbu Said u Steen fl-aħħar minuti biex Depiro ħarġu rebbieħa 89-86 fost il-ferħ tal-players u l-partitarji tagħhom.

Gżira Athleta: N. Vasovic 2, C. Crossland 19, P. Shoults 8, L. Stefanovic, A. Perunicic, N. Xuereb 11, M. Gouder 7, V. Pace 23, I. Mitrovic, J. Guity 16.

 

Depiro: T. Steen 24, K. Hamilton 10, J. Attard, D. Farrugia 7, N. Grech 2, O. Said 22, M. Mallia, M. Borg, J. Nygaard 18, A. Chomo 6, A. Attard.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Christine Xuereb

Starlites GIG 83

 

Hibernians 91

(19-19)(28-21)(16-25)(20-26)

F’din is-semi-finali iltaqgħu l-ewwel żewġ timijiet tal-kampjonat u kif mistenni ż-żewġ timijiet offrew partita kumbattuta. Għal Starlites din kienet it-tielet telfa konsekuttiva fl-aħħar tlett partiti fil-waqt li Hibs assiguraw id-dritt li jiddefendu l-unur li rebħu fl-aħħar żewġ staġuni fil-finali tal-31 ta’ Marzu. Hibs kellhom l-aħjar bidu però wara li  Starlites irkupraw u marru minn fuq il-vantaġġ bidel l-idejn għal diversi drabi biż-żewġ timijiet ikollhom il-mumenti tagħhom fejn rajna vantaġġi konsiderevoli jkunu rkuprati. Hibs marru 9-2 minn fuq wara trippla ta’ Alvaro Lizaur. Starlites wieġbu permezz ta’ Andrew Sears u Cameron Ward però Hibs baqgħu jżommu l-vantaġġ bid-dħul ta’ Ivan Demcesen għalkemm qabel intemmet is-sessjoni trippla ta’ Ryan Carabott għamlet l-iskor indaqs 19-19. Fit-tieni sessjoni Hibs kellhom żewġ trippli oħra minn Lizaur u Luke Farrugia u fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 29-24. Starlites irrispondew u għamlu l-iskor indaqs wara trippla ta’ William Darley u wara erba’ punti fuq kull naħa, Hibs marru minn fuq bi trippla ta’ Chad Cuschieri Patus u basket ta’ Anton Axiaq. Hawn wasal mument tajjeb għal Starlites li għamlu run ta’ 14-2 bi trippli ta’ Ward flimkien mal-punti ta’ Jordan Stotts u Sears u daħlu jistrieħu 47-40 minn fuq.

Wara l-intervall Starlites kabbru l-vantaġġ għal 12 –il punt 54-42 hekk kif bdew bi trippla oħra ta’ Ward. Ic-champions kellhom reazzjoni rabjuża u ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 18-3 b’diversi punti ta’ Demcesen fkimkien mat-three pointers ta’ Lizaur u Patus u sa’ tmiem is-sessjoni marru basket minn fuq 65-63. Fl-aħħar taqsima Hibs kabbru l-vantaġġ għal 10 punti wara run ta’ 13-3 però Starlites ma ċedewx u three pointers minn Nick Formosa u Darley rawhom jaslu sa’ basket ‘l bogħod 81-83. Starlites bdew iwaqqfu l-arloġġ però Hibs kienu preċiżi mill-freethrow line permezz ta’ Axiaq, Lizaur u Luca Tardito biex ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 91-83.

Starlites Gig: A. Felice Pace 2, N. Formosa 6, R. Bonnici, I. Felice Pace, C. Ward 31, M. Falzon, M. Scerri, R. Carabott 5, W. Darley 17, A. Sears 14, J. Scotts 8.

 

Hibs: R. Vella 2, M. Attard, K. Sultana, L. Farrugia 9, M. Formosa, I. Bonett, L. Tardito 15, A. Axiaq 8, M. Matijevic, A. Lizaur 15, I. Demcesen 20, C. Cuschieri Patus 22.

Referees: Kamil Dworniczak, Tuomas Mantere, Daniella Torok

Finali: Il-Ħadd 31 ta’ Marzu





Leave a comment