Depiro u Athleta jieħdu l-ewwel vantaġġ wara żewġ semi-finali mill-isbaħ

Friday, May 4, 2018, 17:14

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

…minn Colin Schembri

Balkan Fusion 82

Depiro 91

(19-21)(19-26)(14-28)(30-16)

Depiro ħadu l-ewwel rebħa kontra Balkan Fusion 91-82 f’partita verament sabiħa fejn iż-żewġ timijiet baqgħu jissieltu però r-rebħa marret għand it-team ta’ Alfred Mifsud b’Jack Nygaard ikollhu wirja oħra mill-aqwa. Dan l-Amerikan li faċilment isib posthu fl-ewwel diviżjoni donnhu jħalli l-aqwa tiegħhu kontra l-Balkani fejn sal-intervall kien diġa għamel seba’ three pointers flimkien ma’ diversi rebounds u assists. Balkan baqgħu mingħajr Nikola Stankovic li mhux mistenni lura u qiegħdin ibatu speċjalment taħt il-boards. Il-partita kellha bidu bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin f’kull attakk. Punti minn Bogdan Ilic raw lil Balkan imorru 13-10 minn fuq però żewġ trippli minn Nygaard u Kurt Xuereb poġġew lil Depiro fuq quddiem. Botta u risposta fuq kull naħa għal tlett darbiet rat lil Depiro jtemmu l-ewwel sessjoni b’vantaġġ ta’ basket 21-19. Fit-tieni taqsima, Balkan bdew b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Ivan Kumric. Hawn bdew ġejjin aktar trippli minn Depiro fosthom erbgħa ta’ Nygaard u Xuereb flimkien mal-punti ta’ Adam Chomo u Andy Attard biex daħlu jistrieħu disa’ minn fuq 47-38.

Wara l-intervall, Depiro żiedu l-vantaġġ b’baskets minn Matthew Borg u Nicholas Grech. Wara risposta minn Balkans, Borg kellhu trippla għal Depiro u komplew sejrin bi break ta’ 9-2 bil-baskets ta’ Grech u Nygaard u fetħu vantaġġ ta’ 23 punt 75-52.  Fl-aħħr sessjoni, Balkan sfurzaw biex inaqqsu d-distakk u bdew b’seba’ punti mingħajr risposta . Depiro kienu pronti però jirrispondu b’żewġ trippli ta’ Xuereb u aktar punti minn Chomo u Nygaard bi trippla oħra. L-aħħar sforz ta’ Balkans rahom jagħmlu run ta’ 11-0 b’żewġ three pointers ta’ Bogdan Mrkojevic u Nenad Radicevic però l-ħin kien kontra tagħhom u Depiro baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 91-82.

Balkan Fusion: N. Radicevic 8, B. Ilic 27, I. Kumric 9, S. Opojevlic 8, A. Perunicic 13, Z. Stankovic, B. Mrkojevic 12, N. Bukva 5.

 

Depiro: E. Briffa, A. Attard 2, N. Grech 12, J. Camilleri, A. Chomo 16, K. Xuereb 14, M. Borg 9, M. Zloh, M. Brincat, J. Nygaard 38, M. Debattista, J.Vibe.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Gordon Barbara

Gżira Athleta 86

 

Luxol 79

(10-18)(28-19)(29-17)(19-25)

Gżira Athleta u Luxol ukoll offrew semi-finali akkanita u missielta fejn hawn ukoll iż-żewġ barranin fuq kull naħa, Vukassin Jandric ta’ Luxol u Albert Serra ta’ Luxol kellhom kontribut importanti. Però anke players Maltin bħal Nathan Xuereb, Francesco Mifsud Bonnici u Michael Sjoberg spikkaw b’diversi punti u xogħol siewi fid-difiża. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ wara trippla minn Sjoberg u l-punti ta’ Merlin Blazquez u Jandric. Athleta, b’Serra magħsses tajjeb kellhom diffikulta biex jagħmlu l-punti u Luxol temmew it-taqsima b’vantaġġ ta’ 8 punti 18-10. Fit-tieni perjodu, id-dħul ta’ Xuereb għen lil Athleta jżidu fl-attakk tagħhom fejn kellhu żewġ trippli f’run ta’ 10-3 li rathom idawru l-iskor 24-23. Ir-risposta ta’ Luxol waslet minn Jandric u Sjoberg però Athleta komplew b’run oħra ta’ 9-0 bit-tielet trippla ta’ Xuereb għalkemm Luxol irnexxielhom jirkupraw u jerġgħu jnaqqsu d-distakk għal punt 38-37.

Fit-tielet taqsima, Jandrix reġa’ poġġa lil Luxol fuq quddiem għalkemm għal tlett darbiet Athleta rnexxielhom jaqilbu l-iskor. Athleta komplew b’run ta’ 17-5 fejn hawn Serra beda jikseb il-punti flimkien ma’ Mifsud Bonnici u Joshua Aquilina. Trippla ta’ Stefan Vincic rat lil Athleta jiftħu vantaġġ massimu ta’ 13 –il punt 67-54. Fl-aħħar sessjoni, Luxol baqgħu viċin u kellhom run ta’ 13-4 b’żewġ trippli ta’ Sjoberg biex waslu sa’ 5 punti ‘l bogħod 69-74.  Athleta wieġbu permezz ta’ Xuereb, Serra u trippla ta’ Mifsud Bonnici biex baqgħu jżommu sod il-vantaġġ li kellhom minkejja l-isforzi finali ta’ Luxol biex ħarġu rebbieħa 86-74.

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 22, A. Serra 16, L. Stefanovic 10, M. Caruana Montaldo, N. Xuereb 26, J. Aquilina 4, J. Caruana, S. Vincic 6, J. Ransley 2, M. Cilia.

 

Luxol: M. Blazquez 11, L. Caruana Montaldo 1, V. Jandric 38, I. El Gabaily, B. Caruana Montaldo, J. Cefai, C. Calleja 4, M. Sjoberg 26, J. Navarro, A. Micallef, M. Steenkamer.

Referees: Tuomas Mantere, Nicky Azzopardi, Christine Xuereb





Leave a comment