- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Depiro kontra Luxol u Athleta kontra Siġġiewi fil-play-offs

Posted By sportinmalta1 On March 11, 2014 @ 11:49 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat ġew deċiżi l-pjazzamnenti finali biex issa fil-play-offs Pavi Depiro li spiċċaw fl-ewwel post jiltaqgħu kontra Bupa Luxol fil-waqt li A to Z Electronics Athleta se jiltaqgħu kontra Remax Siġġiewi Citadel. B’hekk huwa zgur li se jkollna champions ġodda hekk kif Floriana Royce ma kkwalifawx għal play-offs u issa jilgħabu fil-promotion pool flimkien ma’ Starlites, SN Suns u Hibs. Il-play-offs issa jibdew fis-27 ta’ Marzu hekk kif fil-logħob li jmiss irid jintrebaħ l-aħħar unur – it-tazza Louis Borg bejn A to Z Electronics Athleta u Bupa Luxol. L-ewwel leg jintlagħab il-Ħadd 16 ta’ Marzu u t-tieni leg l-Erbgħa 19.

Pavi Depiro 94

Floriana Royce 76

(23-19)(21-16)(21-23)(29-18)

Pavi Depiro għelbu lic-champions Floriana Royce għat-tielet darba dan l-istaġun biex aċċertaw ruħhom mill-ewwel post tal-klassifika. Kienu Floriana li kellhom l-aħjar bidu għal din il-partita meta b’punti minn Derek Elston, David Camilleri u Clayton Calleja marru 11-4 minn fuq. Depiro kellhom ir-risposta mill-Awstraljan Matthew Adekponya u baskets minn Isaac Tanti u Andrew Aquilina. Trippla minn Adekponya tat il-vantaġġ lil Depiro 16-15 u Floriana kellhom żewġ baskets oħra minn Elston. Bejniethom kien hemm trippla ta’ Roderick Vella għal Depiro li sa’ tmiem is-sessjoni għamlu żewġ baskets oħra biex rebħu s-sessjoni 23-19. Fit-tieni taqsima l-vantaġġ ta’ Depiro kiber għal 11 –il punt 32-21 però Floriana kellhom trippli minn Peter Shoults u Billy Zammit biex reġgħu naqqsu d-distakk. Adekponya kellhu żewġ baskets oħra biex fl-intervall Depiro kienu 44-35 minn fuq.

Floriana kellhom bidu tajjeb wara l-mistrieħ u għamlu run ta’ 9-2 biex naqqsu d-distakk. Depiro però ma damux ma rkupraw u fiż-żewġ minuti ta’ wara kellhom diversi punti minn Adekponya u Vella biex sas-sitt minuta reġgħu ħadu vantaġġ b’figuri doppji 60-48. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Dirk Schembri u Eltston  flimkien ma’ Peter Shoults għal skor ta’ 65-58. Fl-aħħar sessjoni reġgħu kienu Depiro li bdew aħjar mill-avversarji u bil-baskets ta’ Adekponya, Aquilina u trippla ta’ Vella. Floriana tħabtu biex jersqu viċin u minkejja t-time-outs ta’ Christoph Stolp, Depiro żiedu d-distakk bi trippla ta’ Aquilina. Floriana għalqu l-istaġun bi trippla ta’ David Camilleri fil-waqt li għal Depiro kien hemm il-punti ta’ Anton Axiaq u Adekponya biex rebħu l-partita 94-76.

Pavi Depiro: R. Vella 17, M. Adekponya 40, N. Sultana 5, A. Aquilina 9, A. Portelli 4, S.P. Bartolo 5, A. Axiaq 8, E. Lupo 3, I. Tanti 6, M. Agius.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 26, D. Camilleri 12, P. Shoults 9, S. Borg, B. Zammit 3, C. Calleja 6, D. Schembri 20, D. Agius.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef, Clive Terribile.

Bupa Luxol 82

 

Remax Citadel Siġġiewi 78

(19-28)(17-21)(24-13)(22-16)

Bupa Luxol għamlu rimonta tajba fl-aħħar ħinijiet tal-partita biex dawru żvantaġġ ta’ 8 punti f’rebħa ta’ erba’ punti. Għalkemm il-partita ftit li xejn kienet se tagħmel differenza fil-klassifika iż-żewġ timijiet riedu rebħa biex jidħlu għall-aħħar fażi b’aktar kuraġġ u b’moral għoli. Siġġiewi kellhom nieqsa lil Chris Sammut u lil Alan Borg fil-waqt li Luxol kienu bl-iskwadra kompluta tagħhom. Il-partita kellha bidu bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin. Luxol kellhom il-punti tal-Amerikan Michael Myres Keitt u Samuel Deguara fil-waqt li għal Siġġiewi l-punti kienu aktar maqsuma. Wara li sas-sitt minuta kien hemm parita 12-12, Siġġiewi għamlu run ta’ 16-5 bi trippla ta’ Chris Meier u punti ta’ Steve Sammut , Louis Camilleri u Ivo Hoeger u temmew l-ewwel sessjoni 28-19 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Luxol naqqsu d-distakk għal 3 punti 27-30 wara punti minn Deguara u Marco Mercieca. Siġġiewi kellhom trippla minn Sammut però Luxol wieġbu mmedjatament b’oħra minn Myres Keitt u basket ta’ Andrew Micallef Trigona però hawn tkeċċa l-coach ta’ Luxol u Siġġiewi kellhom sensiela ta’ free-throws flimkien ma’ trippla minn Louis Camilleri u baskets ta’ Marco Matijevic u daħlu jistrieħu 49-36 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Siġġiewi reġgħu għaddew mill-fażi li spiss tiġrilhom fejn tilfu r-ritmu u Luxol bdew bi break ta’ 13-2 u naqqsu d-distakk għal żewġ punti 49-51. Luxol komplew jagħfsu u ġabu l-iskor indaqs b’basket ta’ Deguara però Sammut għamel trippla għal Siġġiewi. Żewġ baskets ta’ Lee Ross reġgħu taw il-vantaġġ lil Siġġiewi li bdew l-aħħar taqsima basket minn fuq 62-60. Diversi punti minn Hoeger żiedu l-vantaġġ ta’ Siġġiewi 73-66 sal-ħames minuta. Siġġiewi dehru li reġgħu ħadu l-partita f’idejhom hekk kif sas-seba’ minuta kienu għadhom  minn fuq 78-70. Hawn però Luxol speċjalment Myres Keitt għamlu 12 –il punt konsekuttiv biex ħadu l-partita f’idejhom u ħarġu rebbieħa 82-78.

Bupa Luxol: C.J. Cordina,  M. Mercieca 3, A. Micallef 5, N. Andrejevic, J. Willoughby, J.P. Schembri 1, N. Vasovic 4, J.P. Bonnici, M. Myres Keitt 37, A. Micallef Trigona 2, S. Deguara 30, S. Capello.

Remax Citadel Siġġiewi: C. Meier 12, A. Debattista, S. Sammut 14, E.Xuereb, L. Camilleri 5, M. Benhamed, L. Ross 16, J.P. Antoncic, I. Hoeger 27, M. Mallia, M. Matijevic 4.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile.

AtoZ Electronics Athleta 86

Starlites Naxxar BC 59

(20-19)(19-15)(24-12)(23-13)

L-istaġun regolari ntemm bir-rebħa ta’ AtoZ Electronics Athleta kontra Starlites Naxxar BC 86-59. Athleta kienu għal darb’oħra mingħajr Chad Patus għalkemm jittamaw li jirkupra għall-finali tat-tazza Louis Borg fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla. Starlites, fl-ewwel esperjenza tagħhom mal-kbar, temmew staġun li minkejja kollox jistgħu iqisuh bħala posittiv fejn kellhom ukoll is-sofisfazzjon tar-rebħ kemm fil-kampjonat kif ukoll f’tazzi oħra. Il-partita kienet bilanċjata fl-ewwel sessjoni fejn kienu Athleta li kellhom l-aħjar bidu fejn sas-sitt minuta kienu 14-6 minn fuq bil-punti ta’ Michael Naudi, David Bugeja u  Steve Schembri. Mal-ħin, Starlites bdew inaqqsu d-distakk b’baskets minn Saviour Bonnici u Marco Todorovic. Fl-aħħar minuta, Athleta kienu 20-13 minn fuq, però fl-aħħar minuta kien hemm sitt punti minn Todorovic biex naqqsu d-distakk 19-20. Fil-bidu tat-tieni sessjoni Starlites kellhom il-punti minn Todorovic biex marru minn fuq 23-20 b’Joe Galea jagħjjat time-out. Athleta reġgħu marru minn fuq b’punti minn Kristin Baldacchino u Naudi u trippla ta’ Shawn Pace. Il-punti ta’ Starlites komplew ġejjin minn Todorovic fil-waqt li għall-Athleta kompla jispikka Naudi biex fl-intervall kien hemm 5 punti jifirdu liż-żewġ timijiet bl-Athleta fuq quddiem 39-34.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin tant li sa’ nofs is-sessjoni id-distakk baqa’ ta’ 5 punti 47-42 favur Athleta. Hawn Athleta għamlu run ta’ 12-0 b’żewġ trippli ta’ Omar Said u oħra ta’ Shawn Pace. Starlites wieġbu b’żewġ baskets ta’ Todorovic però qabel intemm il-perjodu Naudi għamel żewġ baskets oħra għal skor ta’ 63-46. Athleta bdew l-aħħar taqsima b’sitt punti oħra  qabel ma ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Lejn it-tmiem kien hemm it-trippla ta’ Robert Bonnic għal Starlites u oħra minn Steve Schembri għall­-Athleta. Il-partita għalqet b’baskets ta’ Bugeja u Sebastien Bishoff biex Athleta rebħu l-partita 86-59.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 28, M. Krastev, D. Bugeja 12, C. Patus, O. Said 12, S. Pace 6, K. Baldacchino 4, S. Bischoff 7, S. Schembri 17.

Starlites: M. Todorovic 40, R. Loporto 2, R. Bonnici 5, A. Schembri, S. Bonnici 4, J. Curmi,  A. Cutajar, B. Soler, J. Zammit 4, G. Coleiro 4.

Referees: Emanuel Mangani, Teemu Helenius.

 

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel FINALI

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Pavi Depiro

10

8

2

18

778

681

AtoZ Electronics Athleta

10

7

3

17

763

693

Remax Siġġiewi Citadel

10

6

4

16

697

630

Bupa Luxol

10

5

5

15

772

712

Floriana Royce

10

3

7

13

703

763

Starlites

10

1

9

11

552

786

Programm tal-play-offs:

27-03-2014 – 18:30 – Pavi Depiro vs Bupa Luxol

27-03-2014 – 20:15 – AtoZ Electronics Athleta vs Remax Siġġiewi Citadel

31-03-2014 – 13:00 – Remax Siġġiewi Citadel vs AtoZ Electronics Athleta

31-03-2014 – 18:15 – Bupa Luxol vs Pavi Depiro

06-04-2014 – 13:00 – Pavi Depiro vs Bupa Luxol

06-04-2014 – 16:30 – AtoZ Electronics Athleta vs Remax Siġġiewi Citadel


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/depiro-kontra-luxol-u-athleta-kontra-siggiewi-fil-play-offs/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.