Depiro jitilgħu fit-tieni post

Thursday, April 21, 2011, 9:33
Loyola vs Depiro

Loyola vs Depiro

minn Colin Schembri

KAMPJONAT L-EWWEL DIVIŻJONI

Tata Motors Loyola 49
Depiro 91
(13-24)(9-18)(11-21)(16-28)

B’wirja oħra verament tajba, it-team ta’ Ray Muscat Depiro Mtarfa għelbu lil Tata Motors Loyola 91-49. Depiro konfermaw il-mument tajjeb li għaddejin minnu u telgħu fit-tielet post minħabba li l-protest ta’ Loyola kontra Luxol ġie milqugħ u allura l-partita bejniethom trid titkompla iktar il-quddiem. Loyola kienu mingħajr Alex Tabone u Mark Cilia u Depiro tilfu lil Isaac Tanti b’injury kmieni fil-partita. Depiro bdew il-partita b’run ta’ 10-2 bil-Loyola jwieġbu bi trippla ta’ Billy Zammit. Depiro mbagħad għamlu run oħra ta’ 10-0 u minkejja li Loyola naqqsu d-distakk b’iktar trippli minn Zammit u David Camilleri, Depiro għalqu s-sessjoni 24-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu Depiro għamlu 5 punti oħra qabel ma Camilleri reġa’ wieġeb għal Loyola bi trippla. Depiro komplew jagħfsu u trippli ta’ David Bugeja u Roderick Vella rawhom jidħlu jistrieħu 20 minn fuq 42-22.

Fil-ftuħ tat-tielet perjodu kien hemm baskets fuq kull naħa. Pero’ reġgħu kienu Depiro li b’run oħra qawwija ta’ 17-3 temmew kull tama ta’ Loyola u fetħu distakk ta’ 30 punt 63-33. Sa nofs l-aħħar perjodu l-vantaġġ ta’ Depiro kiber għal 38 punt 75-37. L-orgolju ta’ Loyola wassalhom biex jagħmlu run ta’ 12-2 fosthom trippli ta’ Sean Pace u Joshua Anastasi. Pero’ kienu Depiro li fl-aħħar żewġ minuti għamlu run oħra ta’ 14-0 biex rebħu l-partita 91-49.

 

Tata Motors Loyola: S. Pace 10, B. Zammit 8, D. Camilleri 10, S. Borg, G. Cuschieri, J.P. Borg, S. Vella, A. Axiaq 2, J. Mihailovic 9, J. Anastasi 9, J. Ransley 1.

Depiro:  R. Vella 19, J.P. Schembri 7, D. Bugeja 28, A. Aquilina 6, J. Gatt 9, J. Camilleri, E. Lupo 8, M. Mallia12, I. Tanti 2, G. Mercieca.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Alfred Carbonaro.

Bupa Luxol 52

A to Z Electronics Athleta 80

(14-16)(15-19)(12-18)(11-27)

A to Z Electronics Athleta komplew isaħħu l-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lil Bupa Luxol 80-52. Athleta kienu għal darb’oħra mingħajr Michael Naudi u kien nieqes ukoll Alexander Ryan. Għal Luxol iż-żagħżugħ Stefan Capello ħa post Sean Mizzi. Wara li Luxol ħadu vantaġġ ta punt, trippla ta’ Steve Schembri u free-throws ta’ Adison Bonnici raw lil Athleta jmorru fuq quddiem 11-8. Sat-tmiem is-sessjoni l-partita baqgħat bilanċjata u Athleta temmewha basket minn fuq 16-14. Luxol ippareġjaw fil-ftuħ tat-tieni sessjoni pero’ Athleta wieġbu b’run ta’ 10-2 fosthom trippla oħra minn Schembri. Minkejja li Luxol wieġbu bil-punti ta’ Marco Mercieca u Petar Apcev, trippla ta’ Kristin Baldacchino bdiet break ta’ 7-0 minn Athleta. Qabel il-half time, Luxol naqqsu d-distakk b’żewġ baskets minn Robert Azzopardi biex Athleta daħlu jistrieħu 6 minn fuq 35-29.

Fil-ftuħ tat-tielet perjodu Luxol waslu sa punt taħt l-avversarji wara trippli minn Jean Paul Bonnici u Apcev. Ir-reazzjoni ta’ l-Athleta ssarfet f’run ta’ 9-0 li ġiet imwaqqfa b’punti minn Mercieca u Azzopardi. Athleta reġgħu għamlu 5 punti mingħajr risposta bis-sessjoni tagħlaq bi trippla fuq kull naħa għal skor ta’ 53-41. Athleta fetħu l-aħħar perjodu b’run oħra ta’ 10-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 22 punt. Huma komplew ikabbru d-distakk b’żewġ trippli ta’ Etienne Bezzina u għalqu l-partita b’run ta’ 9-0 għal skor finali ta’ 80-52.

Bupa Luxol: C.J. Cordina, M. Mercieca 9, R. Azzopardi 14,  A. M. Trigona 4, P. Apcev 18, A. Costa, N. Vasovic 2, T. Paris, A. Cremona, E. Caruana Montalto , J.P. Bonnici 5, S. Capello.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi, J. Zammit 5, C. Galea 2,  E. Bezzina 9, D. Schembri 12, O. Said 10, A. Bonnici 18, K. Baldacchino 14, S. Schembri 10.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Alfred Carbonaro.

Klassifika Kampjonat Irġiel
Team Logħob Rebħ Telf Punti
A to Z Electronics Athleta 11 10 1 21
Siggiewi Derby 9 6 3 15
Depiro Mtarfa 10 4 6 14
Bupa Luxol 9 3 6 12
Tata Motors Loyola 9 1 8 10

Il-logħba bejn Bupa Luxol u Tata Motors Loyola se titkompla wara protest minn Loyola u għalhekk ġiet imneħħija minn din il-klassifika.





Leave a comment