Depiro jiksbu t-tielet rebħa minn tlett partiti

Monday, November 26, 2018, 17:57

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 85

Siġġiewi 81

(21-26)(16-15)(22-18)(26-22)

Siġġiewi kellhom waħda mill-aħjar wirjiet tagħhom dan l-istaġun però ma kienitx biżżejjed biex jegħlbu l-isfida ta’ Gżira Athleta biex dawn tal-aħħar kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat u t-tielet waħda kontra Siġġiewi dan l-istaġun. Athleta kienu mingħajr Francesco Mifsud Bonnici u Stefan Vincic fil-waqt li Siġġiewi kellhom nieqes lil Davide Bellinzona u Daryyl Pisani. Fl-ewwel taqsima sensiela ta’ three pointers minn Alex Novakovic raw lil Siġġiewi jmorru minn fuq għalkemm Athleta dejjem baqgħu viċin bil-punti ta’ Luca Stefanovic u Matthew Gouder. Fit-tieni perjodu Siġġiewi kabbru l-vantaġġ għal disa’ punti iżda Athleta rrispondew bit-three pointers ta’ Nathan Xuereb u Nicolo Guida li kellhom tnejn kull wieħed però kienu Siġġiewi li daħlu jistrieħu minn fuq 41-37.

Fit-tielet taqsima kien hemm rimonta tajba minn Athleta u żewġ trippli oħra ta’ Xuereb poġġewhom fuq quddiem 51-49. Siġġiewi wieġbu permezz ta’ trippla ta’ Milan Nedic qabel ma Athleta reġgħu marru minn fuq bil-punti ta’ Guida, Xuereb u Jonathan Ransley. Sa’ tmiem is-sessjoni Siġġiewi rnexxielhom jerġgħu jagħmlu l-iskor indaqs bil-punti ta’ Hubert Agius u trippla ta’ Nedic 59-59. Fl-aħħar sessjoni, iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin u Siġġiewi komplew bi break ta’ 10-3 biex marru 5 minn fuq 74-69. Hawn tilfu lil Nedic bit-tieni foul anti sportiv u sofrew ukoll technical foul fuq Novakovic biex Athleta għamlu run ta’ 10-3 b’diversi freethrows u ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 85-81.

Gżira Athleta: N. Xuereb 25, M. Gouder 20.

Siġġiewi: A. Novakovic 39, M. Nedic 24

Depiro 74

 

Starlites GIG 47

(11-11)(16-17)(27-8)(20-11)

Time-out tal-coach Alfred Mifsud ftit wara l-bidu tat-tielet sessjoni bidel l-andament tal-partita kompletament hekk kif il-players tiegħhu kellhom reazzjoni mill-aqwa li ssarfet f’run ta’ 22-2 u Depiro baqgħu sejrin biex għelbu lil Starlites GIG 74-47. Il-partita dehret li se tkun aktar bilanċjata speċjalment wara tmiem l-ewwel sessjoni li għalqet fuq parita ta’ 11 –il punt kull team. Starlites kellhom nieqsa lil Ian Felice Pace u Miguel Falzon. Fl-ewwel perjodu Depiro ħadu l-vantaġġ wara punti minn Nenad Rosic u Myron Agius però Starlites kellhom risposta permezz ta’ Mirco Azzopardi u Isaac Pace fost l-oħrajn biex ippareġjaw 11-11. Fit-tieni taqsima l-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif punti konsekuttivi ta’ Pace raw lil Starlites imorru 19-16 minn fuq. Depiro wieġbu permezz ta’ Andy Attard  u Ethan Briffa flimkien ma’ trippla ta’ Miguel Brincat però basket ta’ Nenad Stojanovski poġġa lil Starlites minn fuq qabel il-halftime 28-27.

Wara l-intervall Depiro fetħu bi trippla ta’ Marco Zloh però Starlites reġgħu wieġbu bil-punti ta’ Azzoapardi. Hawn wasal it-time-out ta’ Mifsud li sewa ferm għall-players tieghu li rrispondew bi break ta’ 22-2 fosthom diversi punti ta’ Agius u Rosic bi Starlites dehru maħsuda u wettqu diversi turn-overs. Lejn it-tmiem huma kellhom punti minn Azzopardi u Miguel Fabri però Depiro kienu 54-36 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Depiro saħħew il-vantaġġ meta bdew b’run oħra ta’ 12-4 u huma baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħadu t-tielet rebħa tal-kampjonat fuq skor ta’ 74-47.

Depiro: N. Rosic 22, M. Agius 20

Starlites: M. Azzopardi 11

 





Leave a comment