- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Depiro jibqghu bla telfa

Posted By sportinmalta1 On January 22, 2018 @ 5:11 pm In Basketball,Featured | No Comments

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Siġġiewi 54

Deprio 97

(12-35)(14-20)(13-22)(10-20)

Depiro pattew għall-waħda miż-żewġ telfiet li sofrew dan l-istaġun meta għelbu b’imod faċli lil Siġġiewi 97-54. Depiro wrew il-potenzjal tagħhom f’din il-partita speċjalmet it-trio Jack Nygaard, Adam Chomo u Kurt Xuereb. Siġġiewi li għal darb’oħra kienu mingħajr Lee Grech sofrew l-inizjattiva ta’ Depiro sa’ mill-ewwel ħinijiet hekk kif Depiro bdew bi break ta’ 15-2 fosthom trippla ta’ Nicholas Grech u punti konsekuttivi ta’ Chomo. Wara li Siġġiewi kellhom il-baskets ta’ Alex Novakovic, Depiro komplew bi tlett trippli ta’ Xuereb u punti ta’ Nygaard għal skor ta’ 35-12. Fit-tieni taqsima, Depiro kabbru l-vantaġġ permezz ta’ trippla ta’ Nygaard għalkemm Siġġiewi żammew il-pass u punti fuq kull naħa ħallew lil Depiro fuq quddiem 55-26.

Fit-tielet perjodu, Chomo kompla bil-punti tiegħhu qabel ma Siġġiewi għamlu run ta’ 14-4 b’żewġ trippli ta’ Novakovic flimkien ma’ Hubert Agius. Huma naqqsu d-distakk għal 23 punt 42-65 però hawn Depiro reġgħu ħadu kontroll tal-partita u għalqu s-sessjoni b’run ta’ 12-2 għal skor ta’ 77-44. Fl-aħħar taqsima l-andament tal-partita baqa’ l-istess minkejja li ż-żewġ coaches taw spazju lil players ta’ fuq il-bank. Depiro kellhom run ta’ 15-2 u kienu viċin il-mitt punt però tilfu xi attakki biex għalqu l-partita b’basket taż-żagħżugħ Miguel Brincat għal skor ta’ 97-54.

Siġġiewi: J. Carter, JP Antoncic 3, M. Baldacchino, J. Anastasi 4, H. Agius 16, G. Agius, R. Alosco 1, K. Arvanitakis 4, R. Camilleri 2, A. Novakovic 23, O. Shamala 1.

Depiro: J. Vibe, E. Briffa, M. Brincat 4, M. Agius 8, A. Attard, N. Grech 10, J. Camilleri 4, J. Nygaard 22, A. Chomo 26, K. Xuereb 21, M. Borg, M. Debattista 2.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Luxol 69

Gżira Athleta 75

(17-21)(20-12)(20-20)(12-22)

Il-kampjonat tat-tieni diviżjoni joffri wkoll partiti sbieħ u missielta u din kienet waħda minnhom hekk kif Gżira Athleta taw l-ewwel telfa lil Luxol fil-kampjonat 75-69. Luxol kienu evitaw telfa kontra Marvels fl-aħħar ħarġa tagħhom però din id-darba ma rnexxielhomx. Athleta kienu mmexxija tajjeb ferm minn Francesco Mifsud Bonnici b’Nathan Xuereb jiddefendi lil Keith Dimech b’Vukassin Jandric ukoll kien magħsses tajjeb. Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 5-0 però Luxol ukoll irrispondew b’ħames punti fosthom trippla ta’ Jandric. Athleta komplew b’run ta’ 11-2 b’baskets ta’ Xuereb u Stefan Vincic u minkejja li Luxol naqqsu d-distakk bil-punti ta’ Clayton Calleja u trippla ta’ Michael Sjoberg, Athleta temmew is-sessjoni 21-17 minn fuq. Il-ftuħ tat-tieni perjodu kien aktar bilanċjat speċjalment fl-ewwel ħinijiet. Għal xi ħin Athleta żammew il-vantaġġ qabel ma Luxol għamlu run ta’ 11-0 bi tlett three pointers konsekuttivi u daħlu jistrieħu 37-33 minn fuq.

Wara l-intervall Luxol komplew b’aktar trippli minn Juan Navarro, Dimech u Jandric. Huma fetħu vantaġġ ta’ 9 punti 41-42 però Athleta rkupraw tajjeb speċjalment permezz ta’ Mifsud Bonnici u Xuereb u rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 53-53. Luxol għalqu l-perjodu b’erba’ punti minn Calleja u Dimech għal skor ta’ 57-5. Fl-aħħar sessjoni l-partita baqgħet missielta għalkemm Luxol baqgħu fuq quddiem għal ħin twil. Huma kellhom trippla oħra minn Dimech fost l-oħrajn u baqgħu 5 minn fuq 68-63. Hawn però Athleta ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 13-1 b’diversi punti ta’ Xuereb u Mifsud Bonnici mill-ġdid u ħadu r-rebħa 75-69.

Luxol: L. Caruana Montaldo 3, V. Jandric 26, I. EL Gabaily, K. Dimech 15, C. Calleja 7, M. Sjoberg 10, J. Navarro 8, R. Falzon, M. Steenkamer.

 

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 23, R. Zammit, L. Stefanovic 11, N. Xuereb 16, J. Aquilina, B. Bartolo 2, S. Vincic 9, J. Ransley 14, K. Schembri.

Referees: Nicky Azzopardi, Stephen Micallef.

Victoria Libertas 42

Hibs 55

(14-16)(4-17)(14-16)(10-6)

Fl-ewwel dehra tagħhom fis-sena 2018, Hibs għelbu lil Victoria Libertas 55-42 biex baqgħu viċin il-pozizzjonijiet ta’ fuq. Hibs kellhom lura lil Kieron Caruana li ħa post Luke Farrugia fil-waqt li Libertas kienu mingħajr David Garcia u Wayne Spiteri. Il-partita kellha bidu nteressanti hekk kif Libertas żammew il-pass mall-avversarji. Hibs bdew b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Caruana però Libertas ukoll irrispondew b’run ta’ 8-0. Hibs kellhom trippla minn Isaac Bonett però Libertas għamlu sitt punti oħra u kien biss basket ta’ Caruana li ta vantaġġ lil Hibs 16-14. It-tieni sessjoni kienet storja differenti għaliex wara li Libertas marru fuq quddiem b’basket ta’ Sean Mizzi, Hibs għamlu sbatax –il punt mingħajr risposta bil-punti ta’ Luca Tardito, Caruana u Bonett li kellhu wkoll trippla biex fl-intervall kienu 33-18 minn fuq.

Fit-tielet taqsima kien hemm run oħra ta’ 10-2 minn Hibs b’żewġ three pointers minn Caruana. Libertas finalment irrispondew bil-punti ta Mizzi, Emanuel Lupo u Michel Farrugia għal skor ta’ 49-32. Fl-aħħar taqsima r-ritmu naqas fuq iż-żewġ naħat hekk kif Hibs kellhom diversi players żagħżagħ fuq il-court. Libertas għamlu seba’ punti mingħajr risposta però Hibs kienu fil-kontroll u rebħu l-partita 55-42.

Victoria Libertas: M. Farrugia 8, K. Galea, N. Petrucci 4, S. Mizzi 8, D. Miani 8, E. Lupo 6, D. Agius 2,  B. Soler 6.

Hibs: J. Debono, M. Formosa 2, A. Galea, P. Attard 5, I. Bonett 17, E. Xuereb 2, K. Caruana 13, M. Houmpton 4, R. Aquilina, L. Tardito 12.

Referees: Nicky Azzopardi, Brian Sly

Balkan Fusion

Marvels Power Plus

Din il-partita ġiet sospiża fis-seba’ minuta tat-tielet sessjoni wara attakk feroċi tal-player Serb Marco Majic fuq l-uffiċjali tal-partita. B’sens ta’ solidarjeta mar-referree Kamil Dworniczak li ġie attakkat, iddeċidejt li ma nirraportax din il-partita. Ngħid biss li Majic wara li ġie mwissi biex jikkalma, wieġeb b’mod oxxenn u kompla b’ġesti li lanqas biss jistħoqqilhom li jiġu miktuba. Nittama li l-MBA tieħu passi dixxiplinarji enormi fuq il-player mingħajr ma jbati l-club hekk kif l-uffiċjali ta’ Marvels u l-players tħabtu kemm felħu biex jikkalmaw lil player imma kien kollhu għalxejn.

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Depiro

5

5

0

10

396

307

Luxol

5

4

1

9

370

360

Balkan Fusion

4

3

1

7

306

204

Gżira Athleta

4

3

1

7

287

245

Hibernians

4

3

1

7

263

233

Victoria Libertas

6

1

5

7

300

380

Siġġiewi

5

1

4

6

306

390

Startlites

4

1

3

5

235

279

Marvels Power Plus

5

0

5

5

283

348


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/depiro-jibqghu-bla-telfa/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.