Depiro jegħlbu lil Starlites wara partita kumbattuta

Monday, October 17, 2016, 10:41

St. James Hospital Shiled – Nisa

minn Colin Schembri

Depiro 60

Starlites 57

(16-13)(12-12)(18-16)(14-16)

Starlites ikkonfermaw il-wirja posittiva li kellhom kontra Hibs il-ġimgħa li għaddiet hekk kif offrew oppożizzjoni qawwija lil Depiro b’dawn tal-aħħar jerbħu l-partita b’distakk ta’ 3 punti 60-57. Depiro kellhom id-debutt tal-Amerikana Shameekia Murray u r-ritorn ta’ Nicole Agius fil-waqt li Startlites kellhom nieqsa lil Michela Zammit Cordina. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat bid-Depiro jieħdu l-ewwel vantaġġ wara trippla ta’ Gaby Mifsud. Għal Starlites kien hemm il-punti konsekuttivi ta’ Josephine Grima biex Depiro temmew il-perjodu 3 minn fuq 16-13. Starlites ħadu l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni taqsima b’sitt punti mingħajr risposta. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Mifsud, Maria Bonett u trippla ta’ Murray biex reġgħu marru minn fuq u żammew il-vantaġġ sal-intervall 28-25.

Wara l-intervall Depiro bdew b’basket ta’ Sam Brincat bi Starlites iwieġbu bi trippla ta’ Patricia Arguello u l-punti ta’ Grima u ppareġjaw il-partita 30-30. Wara li għal darbtejn Starlites ħadu vantaġġ minimu, Depiro għamlu run ta’ 10-4 mibdija bi trippla ta’ Sam Brincat flimkien mal-punti ta’ Murray biex fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 46-41. Starlites fetħu l-aħħar taqsima bi break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Stephanie Davies u l-punti ta’ Grima u Arguello biex reġgħu ħadu vantaġġ 50-48. Punti konsekuttivi ta’ Murray fosthom trippla, poġġew lil Depiro għal darb’oħra fuq quddiem u minkejja li għal darbtejn Starlites naqqsu d-distakk għal punt, Depiro għalqu l-partita bil-punti ta; Bonett u Murray biex rebħu l-partita 60-57.

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 3, N. Agius 2, S. Brincat 7, M. Bonett 16, C. Camilleri 2, S. Murray 19, M. Scicluna 1, M. Micallef, T. De Martino 4, C. Ciantar 5.

Starlites: D. Agius 8, J. Doughty, S. Tabone 4, K. Pirotta 1, J. Micallef, J. Grima 26, P. Arguello 13, E. Magrin, S. Davies 5, A. Demanuele.

Referees: Bernard Vassallo, Teemu Helenius.

Hibernians 35

Gżira Athleta 74

(4-23)(13-19)(6-21)(12-11)

Gżira Athleta ma kellhomx diffikulta biex jegħlbu lil Hibernians 74-35 hekk kif it-team ta’ Raħal Ġdid kellhom biss seba’ players wara l-injuries tal-partita fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Fil-fatt Ema Micallef, Raisa Vella kif ukoll l-Amerikana Trudy Armstead kienu kollha neqsin. Christina Grima mill-banda l-oħra mexxiet l-attakk tal-Athleta b’total ta’ 26 punt flimkien mal-Amerikana Amelia Simmons. Athleta bdew bl-ewwel ħdax –il punt tal-partita bi trippla ta’ Grima. Hibs waqqfuhom b’basket ta’ Iiona Agius iżda Athleta malajr irrispondew bi break ieħor ta’ 12-0 biex temmew l-ewwel taqsima 23-4 minn fuq. Fit-tieni taqsima Athleta bdew bi trippla ta’ Elena Pace għalkemm Hibs irnexxielhom inaqqsu d-distakk b’sitt punti konsekuttivi. Il-punti tal-Athleta komplew ġejjin minn Grima u Simmons biex fl-intervall kienu 42-17 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Athleta komplew jiddominaw il-partita bi Grima tagħmel żewġ three pointers konsekuttivi flmkien ma’ punti minn Sharon Vella u Antoinette Borg. Fl-aħħar sessjoni il-logħob kien aktar bilanċjat bil-Hibs ikollhom il-punti ta’ Nicole Vella fil-waqt li Chantelle Mifsud irrispondiet għall-Athleta li rebħu l-partita 74-35.

Hibs: E. Cassar 10, N. Vella 6, I. Agius 4, K. Caruana 2, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia 5, J. Scerri 8.

Gżira Athleta: C. Grima 26, S. Pisani 2, L. Sciberras 2, A. Simmons 18, D. Said Hollier 2, A. Borg 6, S. Vella 8, E. Pace 5, C. Mifsud 5.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani.





Leave a comment