Depiro Champions taħt id-dsatax –il sena tat-tfajliet

Monday, April 7, 2014, 17:24

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/19 NISA – FINALI

minn Colin Schembri

Depiro 38

Luxol 36

(7-6)(4-17)(14-2)(13-11)

Depiro għamlu doppjetta fil-kategoriji tal-juniors tat-tfajliet fejn ġimgħa wara li rebħu l-kampjonat ta’ taħt is-sittax –il sena tat-tfajliet kontra uxol 40-43huma għelbu lill-istess avversarji 38-36 din id-darba fil-kampjonat ta’ taħt id-dsatax –il sena. Iż-żewġ tinjiet kellhom uħud mill-players li diġa jimmilitaw b’mod regolari fl-ewwel team tagħhom bħal Gaby Mifsud, Tina Mifsud u Maria Bonett ta’ Depiro u Monique Caruana, Martina Darmanin u Christina Curmi għal Luxol. Fis-semifinali Depiro għelbu lil Hibs fil-waqt lil Luxol għelbu lil Athleta. Fl-ewwel sessjoni kellna basket fuq kull naħa minn Darleen Camilleri u Martina Darmanin għal Luxol. Hawn Depiro kellhom trippla ta’ Nicole Agius u basket ta’ Maria Bonett biex marru 7-2 minn fuq. Luxol wieġbu b’żewġ baskets minn Oceane Visser u Darmanin biex Depiro temmew is-sessjoni 7-6 minn fuq. Luxol kellhom bidu qawwi fl-ewwel sessjoni speċjalment bil-punti ta’ Visser biex marru 15-7 minn fuq. Għal Depiro kien hemm il-baskets ta’ Agius u Tina Mifsud iżda Luxol wieġbu b’żewġ trippli ta’ Monique Caruana u basket ta’ Cristina Sollami u fl-intervall Luxol kienu 12 minn fuq 23-11.

Il-folja daret fit-tielet taqsima hekk kif Depiro qawwew id-difiża tagħhom fejn ħallew lil Luxol b’basket wieħed biss. Minn naħa tagħhom Depiro kellhom il-punti ta’ Nicole Agius fosthom trippla flimien mal-baskets ta’ Maria Bonett u Darleen Camilleri. L-uniku basket ta’ Luxol ġie minn Darmanin u s-sessjoni għalqet f’parita 25-25. Fl-aħħar taqsima Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ wara baskets minn Sophie Bella, Caruana u Noelene Vella b’Bonett tibqa’ twieġeb għal Depiro. L-istess player għamlet żewġ baskets konsekuttivi b’Visser twieġeb għal Luxol. Hawn Agius kellha trippla kruċjali għal Depiro li tathom vantaġġ ta’ erba’ punti u Luxol kellhom basket ieħor minn Darmanin. Luxol kellhom l-aħħar pusess iżda Caruana kienet sfortunata li l-ballun tagħha fl-aħħar żewġ sekondi dar darbtejn mar-ring u ħareġ il-barra biex Depiro ċċelebraw ir-rebħ ta’ dan il-kampjonat. Fi tmiem il-partita kienet il-captain ta’ Depiro Gaby Mifsud li għolliet it-tazza wara l-preżentazzjoni mill-President tal-MBA Paul Sultana.

Depiro: Nicole Agius 14, Gaby Mifsud, Darleen Camilleri 4, Maria Bonett 16, Claudia Camilleri, Tina Mifsud 2, Raisa Calleja, Mante Balzaravicuite, Kirsty Aquilina, Laura Vella.

Luxol: Monique Caruana 10, Sofie Abela 2, Gulia Magri, Noelene Vella 2, Oceane Visser 11,Christina Sollami 2, Clara Galea 2, Martina Darmanin 8, Abigail Calleja, Jasmine Seghatoleslami, Christina Curmi 1.

Referees: Clive Terribile, Teemu Helenius.

Ritratti: MBA Facebook page: https://www.facebook.com/media/set/?set=a.509466789158804.1073741922.113448038760683&type=1





Leave a comment