Depiro b’rebħa konvinċenti fuq Athleta u t-tieni rebħa ta’ Starlites

Tuesday, December 5, 2017, 16:48

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

minn Colin Schembri

Depiro 58

Gżira Athleta 46

(12-13)(17-15)(12-14)(17-4)

Depiro ħasdu lil Gżira Athleta biex ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat fuq skor ta’ 58-46. Kienet rebħa meritata għall-players immexxija minn Marco Zloh hekk kif l-Athleta dehru wisq konfużi fil-logħob tagħhom u fl-aħħar sessjoni ġew illimitati għall-4 punti biss. Andrea Mifsud, Laura Vella, Noelene Agius u Tina Mceij kollha kienu nieqsa għal Depiro li bdew bil-punti tal-captain Maria Bonnett flimkien ma’ Claire Ciantar. Athleta kellhom risposta tajba hekk kif għamlu break ta’ 9-0 maqsum bejn Amelia Simmons u Sharon Vella. Depiro reġgħu ġew lura bil-punti ta’ Bonnett u trippla tal-Amerikana Alexis Lloyd biex naqqsu d-distakk għal punt 12-13. Athleta fetħu t-tieni perjodu bl-unika trippla tagħhom minn Beverlee Zammit. Depiro segwew u punti ta’ Lloyd, Bonett u Steffi De Martino poġġewhom fuq quddiem. Għal erba’ darbiet iż-żewġ timijiet kienu fuq parita qabel ma basket ta’ Claudia Camilleri poġġa lil Depiro minn fuq għal halftime 29-28.

Depiro saħħew il-vantaġġ bl-ewwel żewġ baskets wara l-intervall minn Lloyd u Ciantar. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn Vella flimkien ma’ Simmons u Antoinette Borg biex reġgħu marru minn fuq 36-34. Huma komplew b’sitt punti oħra ta’ Leanne Duncan u Vella biex żiedu l-vantaġġ għal 6 punti 42-36 iżda qabel tmiem il-perjodu Camilleri u Bonett naqqsu d-distakk għal punt 41-42. Fl-aħħar taqsima Athleta kkrollaw hekk kif għamlu biss basket u żewġ free-throws. Depiro minn naħa l-oħra bdew bi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Bonett flimkien ma’ De Martino, Ciantar u Lloyd. Wara l-uniku basket tal-Athleta minn Duncan, Depiro kellhom 8 punti oħra mingħajr risposta bl-aħħar punti jaslu minn freethrows ta’ Simmons biex Depiro ħarġu rebbieħa 58-46.

Depiro: T. Mifsud, C. Camilleri 4, M. Bonnett 16, S. De Martino 8, N. Agius 5, A. Lloyd 14, J. Xuereb, C. Ciantar 11.

Gżira Athleta: B. Zammit 3, L. Duncan 8, A. Simmons 21, D. Said Hollier, A. Borg 6, J. Schembri, S. Vella 8, E. Pace, C. Mifsud.

Referees: Bernard Vassallo, Jason Cole, Kamil Dworniczak.

Caffè Moak Luxol 47

Starlites GIG 59

(10-18)(22-11)(9-13)(6-17)

Starlites GIG kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat meta għelbu lic-champions Caffè Moak Luxol 59-47 biex ħallewhom mingħajr rebħa fil-kampjonat u b’rebħa waħda tul l-istaġun s’issa. Luxol kellhom lil Ina Baena Medina nieqsa però din mhux biżżejjed biex tiġġustifika l-ammont ta’ turnovers li wettqu tul il-partita. Ic-champions dehru jilgħabu b’nuqqas ta’ ħeġġa għalkemm kellhom mument tajjeb fit-tieni sessjoni. Starlites irkupraw lil Danielle Agius u Jaelle Micallef però kienet nieqsa Kim Pirotta u kellhom lil Kristy Galea f’ġurnata tajba tant li spiċċat b’24 punt b’ħames three pointers. Kienu Starlites li ħadu l-vantaġġ bil-punti ta’ Patricia Arguello u Stephanie Davies biex marru 12-4 minn fuq. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Cristina Sollami u Sarah Pace però tlett baskets wara xulxin minn Samantha Farrugia raw lil Starlites itemmu l-ewwel taqsima 18-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu, kienu Starlites li reġgħu żiedu l-vantaġġ wara basket ta’ Marilou Cutajar u l-ewwel trippla ta’ Galea. Luxol kellhom risposta b’sitt punti fosthom trippla ta’ Kay Portelli però f’nofs is-sessjoni Starlites kienu għadhom 5 minn fuq 27-22. Hawn Luxol kellhom l-aħjar mument tagħhom fil-partita meta għamlu run ta’ 10-2 hekk kif Paula Ellul iddefendiet tajjeb lil Arguello u Luxol daħlu jistrieħu 32-29 minn fuq.

It-tielet taqsima kellha bidu kwiet bic-champions iżommu l-vantaġġ bil-punti ta’ Ashanti Plummer u Sollami. Starlites ġew lura bi 8 punti b’żewġ trippli ta’ Galea biex ħadu vantaġġ li żammew sa’ tmiem il-perjodu 42-41. Il-ftuħ tal-aħħar sessjoni kien deċisiv għal Starlites hekk kif huma bdew b’run ta’ 10-0 kważi kollha minn Galea. Huma fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt u għalkemm Luxol ittantaw rimonta bi trippla ta’ Sollami u basket ta’ Plummer, Galea malajr wieġbet bi trippla oħra għal Starlites. Starlites baqgħu jikkontrollaw il-partita fl-aħħar ħinijiet u ssiġilaw ir-rebħa b’baskets ta’ Galea u Farrugia għal skor ta’ 59-47.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 6, C. Borg Millo, N. Vella 2, A. Plummer 12, K. Portelli 5, P. Ellul 4, C. Solllami 15, M. Darmanin, C. Curmi 5.

Starites GIG : D. Agius 1, K. Galea 24, J. Doughty 2, S. Farrugia 8, H. Acreman, J. Micallef, E. Magrin, P. Arguello 14, M. Cutajar 4, S. Davies 6, A. Lupo.

Referees: Emanuel Mangani, Igor Marjanovic, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment