Demicoli u Camilleri issiġġillaw l-ewwel rebħa fil-Kampjonati Arena Birkirkara St. Joseph Open Water Swimming

Thursday, June 6, 2019, 13:24

Il-Kampjonati Arena Birkirkara St. Joseph Open Water Swimming ingħataw bidu nhar l-Erbgħa wara nofsinhar fil-Bajja tas-Salina meta seħħet l-ewwel tellieqa tas-Serje.

 

Wieħed u sebgħin għawwiem ħadu sehem fil-korsa ta ‘żewġ kilometri, u ħames atleti ħadu sehem fit-tellieqa mifruxa fuq kilometru.

Fil-Kategorija tan-Nisa, Sarah Demicoli reġgħet lura għall-ogħla post fuq il-podju, post li hi ddominat għal dawn l-aħħar ftit snin. Demicoli kellha vantaġġ komdu fuq Nicole Saia li ħadet it-tieni post. Saia kella distakk ta’ erbatax il-sekonda fuq Adriana Ferreira Massa. L-aħħar tnejn huma ġodda fix-xena tal-għawm open water f’Malta.

Fil-Kategorija tal-Irġiel, Andre Camilleri, li għadu kif ġie lura minn prestazzjoni tajba fil-Logħob tal-Gżejjer COJI, rebaħ it-tellieqa u rreġistra titjib fuq il-prestazzjonijiet tas-sena l-oħra f’dawn l-istess kampjonati. Fit-tieni post kien Thomas Woods li ġie segwit minn Stefano Debono Grech.

Demicoli u Camilleri bħalissa qegħdin jitħarrġu għall-FINA / CNSG Marathon Swim World Series 2019 u il-Kampjonati Junior Ungeriżi li se jarawhom jikkompetu fit-tlielaq tal-10km u 5km, rispettivament fil-Lake Balaton, l-Ungerija fil-ġimgħat li ġejjin.

It-tlielaq tal-Arena Birkirkara St. Joseph jservu wkoll bħala qualifiers għal dawk interessati li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Festina BSJ Malta-Gozo-Malta u Festina BSJ Gozo – Malta.  Sabiex jikkwalifikaw l-għawwiema għandhom jieħdu sehem fi kwalunkwe tnejn mit-tlielaq ta’ żewġ kilometri u fit-tellieqa ta’ erba ‘kilometri li jirreġistraw ħin ta’ inqas minn siegħa u erbgħin minuta. Dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem fit-tellieqa Festina BSJ Malta-Gozo-Malta huma mitluba jlestu tlieta mill-avvenimenti ta’żewġ kilometri u jirreġistraw ħin ta’ mhux iktar minn siegħa 20 minuta fit-tellieqa ta ‘erba’ kilometri.

It-tellieqa li jmiss tal-Kampjonati Arena Birkirkara St. Joseph tal-Open Water Swimming se ssir nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ġunju fis-6:30 pm. Ir-reġistrazzjoni tista ssir onlajn fuq www.bkarastjoseph.com jew sa siegħa qabel il-bidu tat-tellieqa





Leave a comment