Debut mill-aqwa għat-Tim Nazzjonali Feminili Malti taċ-Ċikliżmu fl-Iżrael

Friday, March 11, 2016, 14:36

Gavin Muscat

It-tim Nazzjonali Feminili Malti taċ-Ċikliżmu kellu debutt mill-aqwa waqt l-Athena International Women’s Road Races, tiġrijiet li saru bejn l-10 u t-12 ta’ Marzu 2016 fl-Israel taħt l-awspiċi tal-UCI. Għal dan l-avveniment storiku, l-grupp kien immexxi minn Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu assistit mill-kowċ professjonali Rachel Darmanin. Is-sitt ċiklisti li ħadu sehem kienu Stephanie Alden, Marie Claire Aquilina, Danica Bonello Spiteri, Hannah Pace, Marion Pullicino u Michelle Vella Wood.

Fl-ewwel tiġrija li kienet time trail minn Masada sa Arad fuq distanza ta’ 19.3 kilometru li fiha ħadu sehem 36 ċiklista fuq ċirkwit ikkarettarizzat minn diversi tlajja bi tmiem fuq livell ta’ 734 metru. Hawn Marie Claire Aquilina spiċċat l-ewwel fost il-Maltin fis-7 pożizjoni f’ħin ta’ 0:57:32. Eżatt warajha daħlet Michelle Vella Wood f’ħin ta’ 0:58:54. Hannah Pace spiċċat fil-ħdax il-post f’ħin ta’ 1:01:32. Danica Bonello Spiteri daħlet is-16 il-waħda f’ħin ta’ 1:03:08, filwaqt li Marion Pullicino spiċċat fil-21 pożizjoni f’ħin ta’ 1:05:34. Stephanie Alden kellha ħsara mekkanika li momentarjament issolviet appena sejħula biex tibda, madankollu l-problema ippersistiet mat-tiġrija, iżda hija b’determinazzjoni kompliet taqdef kif tista biex spiċċat fil-25 post fħ’hin ta’ 1:06:33.

It-tieni tiġrija fuq distanza ta’ 72.4 kilometri saret minn Arava sa Arad fejn il-kontinġenti kollha ħallew il-lukanda fil-5 ta’ filgħodu biex jaslu għad-destinazzjoni tat-tlugħ. Hawn ukoll iċ-ċirkwit wasal sal-livell ta’ 1238 metru, biċ-ċiklisti Maltin komplew juru progress fuq il-ġurnata tad-debutt tagħhom fejn għal darb’oħra Marie Claire Aquilina spiċċat l-ewwel fost il-Maltin meta daħlet fis-6 post f’ħin ta’ 2:18:35. Hija kienet segwita minn żewġ ċiklisti oħra Maltin li daħlu fis-7 u t-8 post rispettivament meta Hannah Pace għamlet ħin ta’ 2:18:48 u Michelle Vella Wood b’ħin ta’ 2:19:35. Stephanie Alden spiċċat fl-10 pożizjoni f’ħin ta’ 02:22:00 u post warajha daħlet Danica Spiteri Bonello f’ħin ta’ 02:22:10. Marion Pullicino spiċċat fis-16 il-post minn fost 37 ċiklista f’ħin ta’ 02:25:10.

L-aħħar tiġrija kienet fuq distanza ta’ 73.6 kilometri mid-Dead Sea sa Scorpions Pass bi tmiem massakranti ta’ telgħat inserpa tul ta’ 5.6 kilometri għal livell ta’ 1163 metru fejn ħadu sehem 35 ċiklista. Il-kontinġenti kollha reġgħu ħallew il-lukanda fil-5 ta’ filgħodu biex jaslu għad-destinazzjoni tat-tlugħ. Madankollu dan ma qatax qalb il-Maltin li komplew b’iktar avvanz. Konferma oħra tal-qawwa ta’ Marie Claire Aquilina li reġgħet spiċċat l-ewwel fost il-Maltin meta daħlet fil-5 post f’ħin ta’ 2:32:37. Eżatt warajha spiċċaw tliet ċiklisti oħra Maltin. Dawn kienu Michelle Vella Wood li uriet anke l-qawwa tagħha fit-tlajja (2:33:21), Hannah Pace uriet li tipprometti b’ħin ta’ 2:33:29 u Stephnie Alden kompliet toħroġ il-potenzjal tagħha b’ħin tajjeb ta’ 2:33:46. Danica Bonello Spiteri spiċċat ukoll tajjeb fl-10 post f’ħin ta’ 2:34:14. Marion Pullicino kienet ferm sfortunata meta mal-25 metru kellha problema kbira fil-katina fejn ħadet iktar minn għaxar minuti biex issolvetilha din il-problema. Imbagħad hija ħarġet id-determinazzjoni kollha tagħha fejn prattikamet bdiet il-ġlieda kontra l-ħin f’forma ta’ time trial għal 40 kilometru sħaħsakemm bdiet tilħaq ċiklisti oħra li kienu waqgħu lura. Dan kompla żied il-grinta u l-kuraġġ tagħha fejn b’iktar sforzi rnexxielha tidħol fil-25 post f’ħin ta’ 02:48:12. Sorprendenti kien il-fatt li Marie Claire Aquilina kompliet turi s-saħħa tagħha meta kompliet anke l-Grand Fondo fejn għamlet 82 kilometru ieħor żejda fejn kienu qed jieħdu sehem madwar elf ċiklista kważi kollha irġiel.

B’dawn ir-riżultati ferm pożittivi, t-tim Malti spiċċa fit-tieni pożizjoni wara dak tal-Iżrael. It-timijiet l-oħra li ħadu sehem kienu Ċipru, Estonia, North Regional Team, Moselle Mixed Team u Serpantin Mixed Team. Appena spiċċaw dawn it-tiġrijiet, it-Tim Nazzjonali Malti akkwista l-ewwel 55 punt tiegħu li poġġewh fis-47 post fir-ranking Feminili tat-Timijiet Nazzjonali tal-Union Cycliste Internationale (UCI). Bla dubju dan kien riżultat ferm sorprendenti u fl-istess waqt mill-isbaħ fejn bl-esperjenza miksuba u bit-taħriġ kontinwu tagħhom, dawn iċ-ċiklisti feminili flimkien ma’ oħrajn li ma ntagħżlux f’din l-ewwel selezzjoni, għandhom b’iktar impenn u sagrifiċċji għax iħarsu b’ottimiżżmu ‘l quddiem fil-viċin għat-Tour ta’ Malta li ser issir il-ġimgħa d-dieħla, kif ukoll għal Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ser isiru f’San Marino bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju 2017.

The Maltese Women's National Cycling Team

 





Leave a comment