David Farrugia għall-Kampjonati tad-Dinja tal-Boċċi f’Ruma

Friday, September 24, 2010, 15:33
 

 

David Farrugia (xellug) qed jirċievi kit għal dawn il-Kampjonati tad-Dinja tal-Boċċi mingħand is-Sur William Galea ta’ Full Marks Sporting tal-Fgura.

David Farrugia (xellug) qed jirċievi kit għal dawn il-Kampjonati tad-Dinja tal-Boċċi mingħand is-Sur William Galea ta’ Full Marks Sporting tal-Fgura.

Il-player Malti David Farrugia l-ġimgħa d-dieħla se jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Boċċi (Kategorija Raffa) li se jsiru f’Ruma, l-Italja. Is-sehem ta’ Farrugia f’dawn il-kampjonati seta’ jseħħ fuq inizjattiva tal-Kumitat Olimpiku Malti. Il-kit tiegħu qed jiġi sponsorjat minn Full Marks Sporting tal-Fgura.

 

Xejn anqas minn 35 pajjiż se jieħdu sehem f’dawn il-Kampjonati li jibdew nhar it-Tnejn, 27 ta’ Settembru u jintemmu bil-finali nhar is-Sibt, 2 ta’ Ottubru. Il-logħob kollu se jintlagħab fiċ-Ċentru Tekniku Federali tal-Federazzjoni Taljana tal-Boċċi gewwa Ruma. Barra l-kampjonat ta’ l-irġiel, se jsiru wkoll dak tan-nisa, li fih se jieħdu sehem 23 pajjiż, u dak ta’ taħt il-21 sena bi 22 pajjiż parteċipanti.

Il-35 parteċipant fil-kategorija ta’ l-irġiel, fosthom David Farrugia, se jitqassmu fi tmien gruppi ta’ erba’ jew ħames players f’kull grupp, bl-ewwel tnejn minn kull grupp jgħaddu għat-tieni fażi. Il-logħob tal-gruppi se jintlagħab it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis.

It-tieni fażi tkun tikkonsisti minn erba’ gruppi ta’ erba’ players u tintlagħab il-Ġimgħa. L-erba’ rebbieħa tal-gruppi jgħaddu għas-semi-finali, li jintlagħbu s-Sibt fil-għodu, filwaqt li l-finali tintlagħab is-Sibt wara nofsinhar.





1 Comment

  1. 19 il-leugue says:

    prosit

    [Reply]

Leave a comment