Darmanin Demajo iżur in-Nursery tal-Isla

Saturday, October 9, 2010, 18:31

Nhar il-Ġimgħa, 27 t’Awwissu ġiet organizzata l-‘End of Season Presentation’ għall-istaġun 2009/2010 għall-plejers kollha ta’ Senglea Nursery u dawk kollha li ħadu sehem fis-sitt ġimgħat attivitajiet tas-Sajf.

Iċ-ċerimonja bdiet fis-7.00 ta’ filgħaxija, quddiem iċ-Ċentru ta’ Senglea Nursery, fix-xatt tal-Isla. Preżenti għal din is-serata kien hemm il-plejers ta’ Senglea Nursery, il-parteċipanti li ħadu sehem fl-attivitajiet Sajfin, ġenituri u ħbieb. Għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll preżenti bosta mistiedna distinti, fosthom il-President il-ġdid tal-M.F.A., Norman Darmanin Demajo; is-Sindku tal-Isla, Joe Casha, Presidenti u Segretarji tan-nurseries tal-Kottonera u soċjetajiet Senglejani. Preżenti kien hemm ukoll folla numeruża li nġabret tara s-serata.

Norman Darmanin Demajo waqt id-diskors tiegħu fil-preżentazzjoni

Norman Darmanin Demajo waqt id-diskors tiegħu fil-preżentazzjoni

Fetaħ is-serata l-President ta’ Senglea Nursery, Stephen Spiteri, bid-diskors tiegħu, fejn semma r-rwol li qed ikollha din in-nursery fl-Isla: Dik li tgħaqqad it-tfal kollha Senglejani flimkien biex jiddevertu u jirrikrejaw ruħhom ‘il bogħod minn kull periklu. Saħaq, li għal dan l-għan, ħafna mill-attivitajiet li torganizza din in-nursery ikunu miftuħin għat-tfal kollha u mhux għal tan-nursery biss. L-aktar avveniment importanti f’dan ir-rigward huma s-sitt ġimgħat attivitajiet Sajfin li din in-nursery torganizza, b’logħob ta’ ġewwa, ta’ barra u tal-għawm. Il-konkorrenza ta’ kull sena tkun waħda qawwija u t-tfal u żgħażagħ Senglejani jirrikorru bi ħġarhom għal dawn l-attivitajiet Sajfin. Is-Sur Spiteri semma b’sodifazzjon li dawn l-attivitajiet, li kienu b’xejn għat-tfal kollha, qegħdin isiru għat-tielet sena konsekuttiva u wara li s-sena l-oħra, dawn l-attivitajiet Sajfin ġew ippremjati bħala l-aħjar nursery f’Malta li torganizza attivitajiet tas-Sajf mill-Y.F.A. u mill-UEFA.

Spiteri semma d-diffikultajiet li klabb żgħir bħal Senglea Nursery ikollu jaffaċċja u l-problemi ta’ faċilitajiet li dan il-klabb għandu. Senglea Nursery qed tagħmel l-almu tagħha biex liż-żgħażagħ ta’ Senglea Nursery toffrilhom l-aħjar faċilitajiet, għax ma tixtieqx li Senglea Nursery titlef plejers minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet.

Allavolja sentejn ilu, b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Isla u Senglea Nursery, ġie inawgurat grawnd mill-isbaħ f’tal-Ponta, fl-Isla, dan il-grawnd peres li żgħir wisq, mhuwiex il-grawnd idejali biex jittrenjaw fih żgħażagħ ‘il fuq minn 13-il sena. B’hekk Senglea Nursery għamlet it-talbiet meħtieġa biex hi flimkien ma’ Senglea Athletics, jirrinovaw Grawnd C ta’ Kordin b’turf artifiċjali, dawl u netting. Dan il-grawnd li ilhom jittrenjaw fih Senglea Athletics, ‘il fuq minn 25 sena, imma li issa jinsab fi stat ta’ abbandun totali u sar perikoluż ferm. Grawnd bħal dan, jekk jiġi rinnovat, żgur jgħin biex iż-żgħażagħ Senglejani jkompli jitħarġu ma’ Senglea Nursery.

Sadanittant, Senglea Nursery talbet lill-KMS biex iż-żgħażagħ tal-Under 15 u Under 17 jibdew jagħmlu użu mill-grawnd tal-Kulleġġ Santa Margerita u sfortunatament, risposta mingħandhom, Senglea Nursery għadha ma ngħatatx.

Spiteri semma wkoll il-ħsieb li n-nurseries tal-Kottonera, in-nurseries ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu jingħaqdu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom, bħala Kottonera United. Dan il-għaliex, huwa fatt magħruf li l-popolazzjoni żgħażugħa tal-Kottonera qegħda tonqos bil-bosta. Dan qed iwassal li t-timijiet tal-Kottonera qed jonqsulhom il-plejers u jekk ma ssirx xi ħaġa mill-aktar fis, minn hawn u ftit snin oħra, lanqas se jkollhom biżżejjed plejers biex jgħaqdu tim u b’hekk xi klabbs mill-Kottonera se jkollhom jgħalqu. Jekk din il-proposta tiġi aċċettata u tibda titħaddan, minbarra li l-Kottonera se jirnexxielha jkollha tim b’saħħtu ħafna din se timla’ b’kuraġġ lil dawn it-tfal u żgħażagħ biex jibqgħu jilagħbu u jikkompetu għall-belt tagħhom. Taħdidiet dwar din il-proposta, diġa bdew mal-M.F.A. wara li din il-proposta li għamlet Senglea Nursery, qabblu magħha l-kumitati tan-nurseries ta’ Bormla u tal-Birgu.

Spiteri semma wkoll b’sodisfazzjon, l-inawgurazzjoni, li saret ftit ġranet qabel, tal-klabb il-ġdid tal-Waterpolo tal-Kottonera, il-Cottonera Aquatic, klabb tal-Waterpolo li se jħarreġ lit-tfal u żgħażagħ tal-Kottonera kollha fl-għawm u fil-logħba tal-Waterpolo, bil-ħsieb li minn hawn u ftit snin oħra, dan il-klabb isir wieħed kompetittiv u tim li jgħaqqad il-Kottonera kollha flimkien.

Spiteri spiċċa d-diskors tiegħu billi qal li għalkemm din in-nursery hija waħda żgħira, dejjem tfittex li tilħaq miri ġodda għall-ġid tat-tfal u żgħażagħ Senglejani u ta’ dan irringrazzja lill-Kumitat ta’ Senglea Nursery u dawk kollha li jgħinu lil Senglea Nursery.

Il-President il-ġdid tal-M.F.A., Norman Darmanin Demajo, beda billi faħħar il-ħidma kbira li qed twettaq Senglea Nursery u l-progress li qed tagħmel. Fid-diskors tiegħu, Darmanin Demajo qal li tliet snin qabel, hu ġie mistieden mill-President ta’ Senglea Nursery, is-Sur Spiteri, biex flimkien jara f’liema stat kienu qegħdin jittrenjaw it-tfal tan-nursery tal-Isla. Dak iż-żmien, dawn it-tfal kienu qegħdin jittrenjaw fuq il-bejt tas-Sede tal-Azzjoni Kattolika. Illum, saħaq Darmanin Demajo, Senglea Nursery għandha grawnd tal-5-a-side mill-isbaħ u dan juri l-progress li qegħda tagħmel din in-nursery, imma semma wkoll, li huwa veru li dan il-grawnd huwa żgħir wisq biex jittrenjaw fih it-tfal tal-Under 15 u Under 17. Darmanin Demajo wiegħed, li la darba d-devoluzzjoni tal-grawnd ta’ Kordin jgħaddi f’idejn Senglea Athletics, l-M.F.A. se tagħmel dak kollu possibbli biex tgħin f’dan l-iżvilupp.

Il-mistiedna distinti qassmu l-premijiet lill-plejers li kienu jiffurmaw parti minn Senglea Nursery fl-istaġun li għadda 2009/2010, kif ukoll lil dawk it-tfal li ħadu sehem fl-attivitajiet sajfin. Wara, dawn il-mistiedna ngħataw tifkira talli attendew għal din l-okkażjoni tant speċjali għal din in-nursery.

Wara ċ-ċerimonja ta’ preżentazjoni, kien hemm riċeviment fil-klabb ta’ Senglea Nursery u s-serata tkompliet b’lejla ta’ spettaklu bil-parteċipazjoni ta’ bosta kantanti u żeffiena.

Dr. George Abela u s-Sinjura Abela ma' l-uffiċjali tan-Nursery u xi players ta' żgħażagħ Senglea

Dr. George Abela u s-Sinjura Abela ma' l-uffiċjali tan-Nursery u xi players ta' żgħażagħ Senglea

Senglea Nursery, nhar il-Ħadd, 3 ta’ Ottubru, kienet onorata biż-żjara li għamel il-President ta’ Malta, Dr.George Abela fil-Klabb ta’ Senglea Nursery.

Il-President ta’ Malta ġie milquh mill-kumitat ta’ Senglea Nursery u mit-tfal li jiffurmaw parti minn din in-nursery. Dr. Abela faħħar l-għan li għandha Senglea Nursery, li hu dak li tgħaqqad lit-tfal Senglejani flimkien f’ambjent sportiv u edukattiv. Il-President ta’ Senglea Nursery, Stephen Spiteri, irringrazzja lil Dr. Abela talli oġgħbu jżur din in-nursery u offirielu tifkira bħala rikordju ta’ din iż-żjara.





Leave a comment