Dagħa u theddid f’logħba tal-U17′s

Tuesday, January 25, 2011, 9:13

Dawn t’hawn taħt huma l-istejjer li ħarġu fil-programm Kontrattakk waqt “X’Qed Jinħema” –  

Il-partita tal-kampjonat tal-Under 17′s bejn Dingli S. u Sta Lucia li ntlagħbet ilbieraħ spiċċat b’farsa hekk kif wara li r-riżultat spiċċa b’rebħa ghal Dingli bl-iskor ta’ 3-1, il-coach tat-team tellief Sta Lucija Joe Attard infexx jidgħi dagħa faħxi u hedded lir-referee li joqtlu u ma jħallihx joħrog mill-ground.

Ir-referee tal-konfront kien Redeemer Caruana u dan id-diżgwid wassal sabiex il-logħba tintemm żewg minuti qabel il-ħin regolamentari bil-konsegwenza li l-coach Attard spiċċa miżmum sabiex ma jmurx jiġri fid-dressing rooms fost ħafna għajjat, theddid u kliem oxxen li beda jgħid. Nisperaw li l-Youth FA tieħu azzjoni ta’ dan l-inċident viljakk.

Żewġ telfiet għan-Nazzjonal tal-Futsal

F’dawn l-aħħar jumejn, it-tim Nazzjonali tal-Futsal immexxi minn Vic Hermans kien impenjat f’żewġ partiti Internazzjonali validi mill-grupp ta’  kwalifikazzjoni tal-UEFA Futsal 2012. Il-Ġimgħa filgħaxija Malta tilfet bl-iskor ta’  6-1 kontra Franza u lbieraħ Malta tilfet 7-0 kontra l-Bulgarija. Dawn iż-żewġ  timijiet – Bulgarija u Franza jiltaqgħu għada għall-aħħar partita fil-finali għal min minnhom se jirbaħ il-grupp. Malta tilgħab l-aħħar partita għada filgħaxija kontra l-Lithuania fil-8pm. Minkejja dawn iż-żewġ telfiet kbar, wieħed jista’ jsemmi diversi punti pożittivi li kien hemm f’dawn iż-żewġ logħbiet fosthom il-wirja rillanti tal-goalkeeper Matthew Mifsud li jilgħab ma’  Naxxar Motors u l-preparazzjoni tattika bħal set pieces u movimenti oħrajn fit-tim tagħna.

Levnaic u Comvalius fil-Kuwait

Zoran Levnaic li fi tmiem din il-ġimgħa ingħaqad mal-ex-plejer ta’ Ħamrun u Birkirkara Sylvano Comvalius iddebutta fil-Kampjonat tal-Kuwait ma’  Al Salmiya fejn dawn rebħu 2-1 kontra Al Nasar. Kemm Levnaic u Comvalius lagħbu tajjeb ħafna u kien hemm kummenti pożittivi fil-ġurnali lokali. Zoran Levnaic lagħab 60 minuta biss peress li kien għadu kemm trenja darba biss mat-team. Issa Al Salmiya jinsabu fil-ħames post u jerġgħu jilagħbu fil-Kampjonat nhar l-Erbgħa 26 ta’ Jannar home kontra Al Sahel.

Inċidenti wara l-logħba Żejtun – Naxxar

Wara l-partita valida mit-tieni diviżjoni bejn Żejtun u Naxxar L. f’partita valida mit-tieni diviżjoni li spiċċat 0-0, jidher li nqalgħu xi inċidenti wara l-logħba hekk kif jidherli żewġ żgħażagħ, ġuvni u l-għarusa tiegħu ġew imsawta minn xi partitarji ta’  Żejtun. Il-ġuvni, partitarju ta’ Naxxar li jġib il-kunjom Bonavia, saritlu ħsara konsiderevoli fuq il-vettura tiegħu. It-tim tal-produzzjoni ta’  Kontrattakk se jkun qiegħed jikteb lill-pulizija biex jistaqsi dwar dan l-inċident u jekk ġewx imħarrka xi nies involuti f’dan l-inċident.

Ta’ min jinnota wkoll li fl-istess logħba seħħ inċident ieħor din id-darba fil-grawnd hekk kif Victor Bellia, plejer ta’ Naxxar waqa’ mal-art u kważi bela’ lsienu fejn meta ndunaw b’dan, il-plejers ta’  Naxxar tefgħu l-ballun barra minkejja li setgħu faċilment jiskorjaw minn din l-azzjoni. Għal dar’oħra ma kienx hemm ambulanza u kien grazzi għall-intervent tan-nurse preżenti li Bellia ġie mgħejjun.

Agius u Alemao jistennew  

Il-ħsieb li Paul Zammit kellu biex jagħti d-debutt lill-aħħar żewġ akkwisti tiegħu Andrei Agius u Alemao ħadu żvolta negattiva l-Ġimgħa filgħaxija hekk kif fil-kwartieri tal-MFA ma waslet l-ebda email u korrispondenza bl-International Clearance ta’ dawn iż-żewġ plejers. Agius kien preżenti fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali jara l-logħba kontra Ħamrun S. Il-fatt li Agius kien bilqiegħda fil-VIP Area jara l-partita swiet ta’ ġid għal Patrick Borg li lbieraħ kellu partita ħafna aħjar u sa ċertu punt perfetta kontra Ħamrun għall-kuntrarju tal-partita xejn tajba li kellu Borg kontra Marsaxlokk. Intant fil-VIP Area f’Ta’  Qali lbieraħ kien hemm Ryan Harding, il-plejer Skoċċiż b’leħja kbira u folta li qed jistenna b’mod anzjuż l-esodu tat-trattattivi li bħalissa għaddejjin mal-kumitat ta’ Birkirkara sabiex ikun xolt il-kuntratt eżistenti minħabba l-problemi pulmunari tiegħu.





2 Comments

  1. julio says:

    sur sandro,li nixtieqek huwa li tfahhar ghal darba jekk jirnexxilek lis-supporters zwieten li meta raw l-incident ta Bellia infexxew f’capcip b”turija ta rispett lejn l-istess Bellia.Imma donnu li ma tantx tiehu gost issemmi il-pozittiv specjalment jekk ikun gej minn partitarji bhalna Zwieten.Ahna wkoll partitarji li nhossu go qalbna u nispera li jekk jezisti xi ftit velenu lejna jispicca darba ghal dejjem.Ahna nies edukati daqs partitarji ohra jekk mhux xi ftit izjed sur Sandro.

    [Reply]

    Sportinmalta Reply:

    Min qal li z-Zwieten huma maledukati ? topggiex kliem f’halqi ghaliex tispicca d-depot bhal uhud minn shabek siehbi…. sandro

    [Reply]

Leave a comment