Cynergi Virtus u Hibs jerbħu l-ewwel unur tal-istaġun

Tuesday, September 22, 2015, 23:36

Tazza tal-Indipendenza 2015

minn Colin Schembri

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet infetaħ l-istaġun tal-basketball 2015/16 bit-Tazza tal-Indipenenza li serviet ukoll bħala l-pre-season tournament li dejjem fetaħ l-istaġun f’dawn l-aħħar snin.

Huma diversi t-tibdiliet li saru għal dan l-istaġun. Fost l-oħrajn insibu li fil-basketball tan-nisa ġie deċiż li jitneħħew il-players barranin fil-waqt li fil-basketball tal-irġiel wara diversi snin se jkun hemm in-nuqqas ta’ Siġġiewi. Posthom ħaduh il-Hibs li l-istaġun li għadda rebħu l-kampjonat tat-tieni diviżjoni. Il-kompetizzjoni kienet mifruxa fuq tlett’ijiem fejn saru total ta 21 partita.

Il-kompetizzjoni tan-nisa ntlagħbet bejn ħames timijiet fejn flimkien mar-rebbieħa Hibs kien hemm ic-Champions Caffe Moak Luxol  li minn dan l-istaġun se jkunu taħt it-tmexxija ta’ Charles Bonnici, Gżira Athleta, Pavi Depiro u Starlites li rritornaw wara xi staġuni u se jkunu mmexxija minn Sandro Farrugia. Wara l-ewwel partiti deher ċar li l-konfront bejn Luxol u Hibs se jkun deċisiv. Hibs minn dan l-istaġun huma taħt il-gwida tal-coach Alex Farrugia u fis-sajf ħadu l-firma tac-center Josephine Grima wara karriera ta’ 10 snin barra minn xtutna li ħaditha l-Italja, Franza, Slovakkja u l-Iżvezja. Fl-ewwel partita Athleta għelbu lil Starlites 36-24 fil-waqt li Hibs fetħu l-impenji tagħhom b’rebħa fuq Pavi Depiro 54-19. Kien imiss lic-champions li għelbu lil Athleta 48-26 u fl-aħħar partita tal-ġurnata, Depiro għelbu lil Starlites 38-11. Fit-tieni ġurnata, Hibs bdew b’rebħa tajba fuq Starlites 57-12 fil-waqt li Luxol ukoll kontra Starlites ħarġu rebbieħa 65-14. Depiro għelbu lil Athleta 55-45 u fil-konfront deċisiv Hibs b’wirja stupenda speċjalment fid-difiża għelbu lil Luxol 34-22. Fl-aħħar ġurnata Luxol ikkonfermaw it-tieni post b’rebħa fuq Depiro 47-31 u fl-aħħar partita Hibs kisbu r-raba’ rebħa 42-27.

 

Fil-kompetizzjoni tal-irġiel ħadu sehem is-sitt timijiet li kienu maqsuma f’żewġ gruppi. Ic-Champions Cynergi Virtus, Pavi Depiro u Bupa Luxol kienu fi grupp 1 fil-waqt li Gżira Athleta Floriana Cafe Del Mar u Hibs kienu fi grupp 2. Dawn huma r-riżultati tal-ewwel fażi:

Pavi Depiro 36 Cynergi Virtus 54

Hibs 54 Gżira Athleta 56

Cynergi Virtus 58 Bupa Luxol 37

Floriana Cafè Del Mar 66 Hibs 43

Gżira Athleta 44 Floriana Cafè Del Mar 54

Bupa Luxol 47 Pavi Depiro 53

Fl-ewwel semi-finali ltaqgħu Virtus kontra Athleta b’dawn tal-aħħar jippreżentaw skwadra totalment differenti mill-istaġun li għadda b’diversi players taħt it-23 sena flimkien ma’ Adrian Micallef u l-Amerikan Markus Montague u Billy Zammit li però kien sfortunat li weġġa fl-ewwel partita. Ic-champions żammew prattikament l-istess skwadra tas-sena li għaddiet bl-eċċezzjoni ta’ Anton Axiaq li inagħaqad ma’ Floriana però huma rreġistraw lil David Camilleri. Huma kellhom ukoll player Amerikan ġdid hekk kif Chris Santo ħa post Mike Breusewitz u ffirmaw ukoll il-Malti Awstraljan Jacob Formosa. Virtus ikkwalifaw għal finali b’rebħa ta’ 57-40. Fit-tieni semifinali Floriana Caffè Del Mar iltaqgħu kontra Pavi Depiro. Floriana minbarra lil Axiaq li kien nieqes għal din il-kompetizzjoni ħadu wkoll lil Abraham Portelli, Nick Andrejevic u lil Andrew Micallef Trigona kollha mingħand Luxol. Floriana rreġistraw ukoll lill-Kanadiż Chad Patus li fl-aħħar żewġ staġuni lagħab mal-Athleta. Depiro żammew iż-żgħażagħ tal-istaġun li għadda u rritornaw ukoll Malcolm Mallia u Andrew Aquilina taħt il-gwida tal-coach Brian Mifsud. Huma għamlu wkoll bidla fil-barrani fejn irreġistraw lill-Amerikan Michael Nwelue. Wara taqsima bilanċjata fejn Floriana fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti 27-23, huma kienu superjuri fit-tieni taqsima biex rebħu l-partita 57-42.

Luxol kisbu l-ħames post wara li għelbu lil Hibs 61-33 fil-waqt li Depiro kisbu t-tielet post wara rebħa fuq Athleta 61-45.

Il-finali ntlagħbet f’atmosfera sabiħa u quddiem pubbliku numeruż. Kienu Virtus li ħadu l-ewwel vantaġġ però Floriana wieġbu bi three pointers ta’ Lee Ross u Chad Patus. Virtus kellhom run ta’ 10-3 b’diversi punti minn Chris Santo biex huma daħlu jistrieħu 21-19 minn fuq. Fit-tieni taqsima c-champions kabbru l-vantaġġ għal 8 punti 31-23 fil-ħames minuta.  Floriana rrispondew bi break ta’ 11-2 mibdi bi trippla ta’ Patus biex marru fuq quddiem 34-33. Peter Shoults u Santo wieġbu għal Virtus bil-vantaġġ idur fuq iż-żewġ naħat għal diversi drabi. Kien three pointer minn Robert Bonnici fl-aħħar sekonda li tefa lil Virtus fuq quddiem fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom biex huma ħarġu rebbieħa 48-45.

Fi tmiem il-kompetizzjoni Dr. Simon Busuttil Kap ta l-Oppozizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista ppreżenta t-trofej lil Elena Cassar captain ta’ Hibs u Peter Shoults captain ta’ Virtus.





Leave a comment