Cynergi Virtus u AtoZ Electronics Athleta jibdew bir-rebħ

Monday, October 20, 2014, 18:36

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD IRĠIEL

minn Colin Schembri

 

Remax Siġġiewi Citadel 41

Cynergi Virtus 82
(8-24)(9-25)(15-19)(9-14)

Cynergi Virtus fetħu l-impenji tagħhom fis-St. James Hospital Shield b’rebħa faċli fuq Remax Siġġiewi Citadel 82-41. Għal Virtus l-Amerikan Nathan Walkup kellhu wirja mill-aqwa però t-team kollhu ffunzjona tajjeb. Minn naħa l-oħra Siġġiewi għad jonqoshom xi players biex jiffinaliżżaw l-iskwarda tagħhom u dan deher ċar f’din il-partita. Għalihom idebutta Adrian Micallef li kien tilef it-tournament tal-ħamsin anniversarju tal-MBA. Virtus bdew tajjeb bl-ewwel tmien punti minn Walkup flimkien ma’ David Bugeja u Anton Axiaq. Siġġiewi kellhom ir-risposta minn l-Amerikan Kenny Tribett però Virtus komplew bil-punti ta’ Walkup bi trippla u oħra ta’ Shawn Pace fi break ieħor ta’ 12-2 biex temmew l-ewwel taqsima 24-8 minn fuq. Fit-tieni perjodu Virtus komplew fejn ħallew u fetħu bi three pointer ta’ Peter Shoults u punti ta’ Robert Bonnici u Axiaq. Siġġiewi kellhom biss trippla minn John Paul Antonic u basket ta’ Ryan Carabott. Virtus iżda ma waqfux u żiedu l-vantaġġ bil-baskets kontinwi minn Walkup, Shoults, Pace u Bugeja u fetħu distakk ta’ 32 punt 49-17.

Fit-tielet perjodu kien hemm bidu aħjar minn Siġġiewi permezz ta’ Tribett però r-risposta ta’ Virtus ġiet bi break ieħor ta’ 10-2. Siġġiewi kellhom il-punti minn Micallef u Steve Sammut flimkien ma’ Tribett qabel ma Bonnici u Walkup għal skor ta’ 68-32. Fl-aħħar taqsima, l-coach ta’ Virtus Paul Ferrante ta spazju lil players żagħżagħ minn fuq il-bank però dan ma żammhomx milli jkomplu jkabbru d-distakk. Dan għamluh permezz ta’ Graham Coleiro  u Bugeja fost l-oħrajn biex kisbu rebħa sabiħa fuq skor ta’ 82-41.

Remax Siġġiewi Citadel: S. Sammut 8, JP Antoncic 6, E. Xuereb, R. Carabott 2, A. Debattisa, A. Micallef 6, C. Bezzina, M. Mallia 2, K. Tribett 17.

Cynergi Virtus: S. Pace 8, D. Bugeja 9, R. Bonnici 11, C. Doublet 2, A. Schembri, N. Walkup 28, A. Felice Pace, A. Axiaq 11, F. Bartolo, G. Coleiro 4, P. Shoults 9.

Referees: Gordon Barbara, Clive Terribile, Emanuel Mangani.

Floriana Cafe Del Mar 74

AtoZ Electronics Athleta 77
(12-18)(29-19)(18-17)(15-23)

F’partita verament sabiħa c-champions AtoZ Electronics Athleta għelbu lil Floriana Cafe Del Mar 77-74. Iż-żewġ timijiet offrew basketball ta’ livell għoli fejn sal-aħħar ħinijiet ir-rebħa setgħat marret fuq kull naħa. Partita mill-aqwa minn Omar Said li spiċċa l-partita b’total ta’ 29 punt speċjalment tlett three pointers f’temp ta’ minuta lejn tmiem il-partita li kienu deċisivi. Il-logħob ta’ Floriana kien aktar maqsum bil-coach Christoph Stolp jagħmel ħafna tibdil tul il-partita fejn l-iktar player li dam fuq il-court kien Lee Ross b’total ta’ ftit aktar minn 30 minuta. L-Amerikan Jules Montgomery lagħab biss 22 minuta hekk kif kellhu wkoll problema ta’ fouls. Floriana fetħu bi trippla ta’ Nigel Sultana u basket minn Nikola Vasovic. Athleta bdew jikkombinaw tajjeb taħt il-boards fejn kellhom lil Isaac Tanti jsib spazju taħt il-boards bl-assists ta’ Roderick Vella u Michael Naudi u marru 12-7 minn fuq. Sultana kellhu trippla oħra però Athleta komplew permezz ta’ Tanti u Naudi biex temmew it-taqsima 18-12 minn fuq. Wara l-waqfa, Floriana kellhom bidu mill-aqwa bi break ta’ 17-2 b’erba’ baskets minn Montgomery b’Joe Galea kostrett li jsejjaħ it-tieni time out tiegħhu. Athleta rkupraw xi ftit bil-punti ta’ Patus u trippla ta’ Said iżda Ross ukoll wieġeb bi trippla u Floriana baqgħu sebgħa minn fuq 41-34. Athleta għalqu bi trippla ta’ Chad Patus li kellhu partita kwieta u fl-intervall Floriana kienu għadhom fuq quddiem 41-37.

Fit-tielet perjodu Floriana reġa’ kellhom mument mill-aqwa u rnexxielhom jiftħu vantaġġ massimu ta’ 13 –il punt 59-49 minkejja li Montgomery kien fuq il-bank u ta’ dan pattew Dirk Schembri, Ross u Vasovic. Fl-aħħar minuta Athleta reġgħu rkupraw bil-punti ta’ Tanti u Naudi biex l-aħħar taqsima bdiet bi Floriana ħamsa minn fuq 59-54. Athleta ġabu l-iskor indaqs 61-61 fit-tielet minuta wara ħames punti ta’ Said u basket ta’ Vella. Il-partita kompliet tisbieħ biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin għalkemm Floriana kienu għadhom 3 minn fuq fit-tmien minuta 68-65. Hawn waslu t-three pointers ta’ Said, tlieta wara xulxin, li taw vantaġġ lic-champions. Floriana kellhom il-freethrows ta’ Clayton Calleja li ma kienux biżżejjed biex isalvaw il-partita u Athleta ħarġu rebbieħa 77-74.

Floriana Cafe Del Mar: O. Shamala, N. Sultana 16, L. Ross 15, M. Mercieca 4, S. Borg 2, N. Vasovic 7, C. Calleja 2, D. Schembri 10, J. Montgomery 13, D. Agius 2.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 25, R. Vella 3, C. Patus 7, A. Aquilina 2, O. Said 29, M. Gouder, M. G. Montaldo,  I. Tanti 11.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Emanuel Mangani





Leave a comment