Cynergi Virtus jerbħu l-ewwel unur tagħhom

Monday, November 24, 2014, 12:30

AtoZ Electronics Athleta 70        

Cynergi Virtus 74

(18-27)(15-23)(25-12)(12-12)

F’partita verament sabiħa u li ntlagħbet quddiem pubbliku ferm numeruż, Cynergi Virtus waqqfu d-dominju tal-Athleta fir-rebħ tas-Shield meta rebħu l-ewwel unur tagħhom b’rebħa ta’ erba’ punti 74-70. Ta’ min isemmi l-istanding ovation li inagħta l-player ta’ Virtus Anton Axiaq li reġa rritorna Ta’ Qali wara l-injury serja ta’ ġimgħa ilhu għalkemm mistenni jibqa barra mil-logħob għal diversi ġimgħat. Virtus kellhom bidu qawwi grazzi għal punti ta’ Evan Bruinsma, David Bugeja u Robert Bonnici. Athleta wieġbu permezz ta’ trippla minn Omar Said u baskets ta’ Chad Patus u Roderick Vella però Virtus kellhom trippla oħra minn Bruinsma u l-ewwel punti ta’ Peter Shoults. Wara trippla oħra ta’ Said, Virtus kellhom run ta’ 10-0 bi three pointers minn Bugeja u Shoults u temmew l-ewwel sessjoni 9 minn fuq 27-18. Athleta bdew it-tieni taqsima bil-punti ta’ Said u Patus b’Bonnici jkollu trippla għal Virtus. Virtus reġgħu għamlu run qawwija ta’ 15-3 b’aktar three pointers minn Bruinsma u Sholts biex fit-tmien minuta kienu 45-27 minn fuq. Athleta kellhom il-punti ta’ Patus u Isaac Tanti però Virtus għalqu b’basket ieħor ta’ Bruinsma u trippla ta’ Shoults u fl-intervall kienu 50-33 minn fuq.

Fit-tielet perjodu Virtus kabbru l-vantaġġ għal 21 punt 56-35 però hawn ic-champions ġew f’tagħhom. Il-Kanadiż Patus fetħilhom run sabiħa ta’ 12-2 fejn kien hemm ukoll il-punti ta’ Michael Naudi u Tanti u fis-seba’ minuta naqqsu d-distakk għal 11 –il punt 47-58. Wara basket ta’ Shoults, Athleta komplew bi break ieħor ta’ 11-2 b’aktar punti minn Naudi u Athleta biex il-partita reġgħat infetħet beraħ bill-Virtus jibdew l-aħħar taqsima erbgħa minn fuq 62-58. L-aħħar sessjoni kienet l-anqas waħda li offriet punti però l-emozzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom. Athleta fetħu mal-ewwel bi trippla ta’ Aquilina u waslu sa’ punt ‘l bogħod. Virtus ħadu n-nifs bil-punti konsekuttivi ta’ Bruinsma u reġgħu marru ħamsa minn fuq 68-63 però Athleta wieġbu b’żewġ baskets minn Tanti u Said. Fl-aħħar minuta kien hemm il-punti ta’ Shawn Pace u Bruinsma però Patus għamel trippla u Bruinsma żewġ freethrows immedjatament wara. Athleta kellhom il-ballun biex iġibu l-iskor indaqs però l-ballun ta’ Naudi ma daħalx u fuq in-naħa l-oħra Bugeja għalaq il-partita b’żewġ freethrows biex Virtus rebħu l-partita 74-70 fost ferħ kbir tal-players u d-diriġenti tagħhom. Il-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Virtus Peter Shoults.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 12, R. Vella 4, C. Patus 23, A. Aquilina 7, M. G. Montaldo, O. Said 18, M. Gouder, I. Tanti 6.

Cynergi Virtus: S. Pace 2, D. Bugeja 12, R. Bonnici 10, C. Doublet, A. Schembri, E. Bruinsma 31, A. Felice Pace, T. Grech, I. Buldakov, G. Coleiro, P. Shoults 19, F. Bartolo.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Emanuel Mangani.





Leave a comment